Ilment għax l-Awtorità tad-Djar m’għamlitx lift wara sentejn u 8 xhur

Persuna rrikorriet għand l-Uffiċċju tal-Ombudsman sabiex tilmenta peress li wara sentejn u tmien xhur, l-Awtorità tad-Djar kienet għadha ma installatx lift fi blokka appartamenti.

Fir-rapporti tal-każijiet li kellu l-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-2019, jissemma dan il-każ ta’ persuna li xtrat appartament fit-tieni sular mingħand l-Awtorità tad-Djar f’Marzu tal-2015, iżda sentejn u tmien xhur wara, din il-blokka kienet għadha mingħajr lift.

Il-persuna li lmentat insistiet li dan kien obbligu kontrattwali li l-Awtorità kienet naqset u
għadha qed tonqos li tonora. Dan id-dewmien esaġerat kien qiegħed joħloq tbatija, qalet din il-persuna, u għalhekk ħasset li jeħtieġ li din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman ivverifika l-korrettezza tal-fatti bażiċi u vverifika mal-Awtorità dwar x’kien qiegħed iżommha milli tonora l-obbligi kontrattwali tagħha. L-Awtorità tad-Djar infurmat lill-Ombudsman li t-tender għal-lift fil-blokka ma setgħetx tinħareġ qabel, għaliex waħda mill-klawsoli tal-kuntratt kienet tispeċifika li l-lift kellu jibda jopera ladarba l-maġġoranza tas-sidien tal-appartament fil-blokka jkunu qed jirrisjedu fl-appartament tagħhom.

Il-persuna li lmentat qalet li kienet konxja ta’ dan, imma dan kien ġara, jiġifieri l-maġġoranza tas-sidien kienu qegħdin joqogħdu fl-appartamenti madwar sena u nofs qabel tressaq l-ilment.
L-Awtorità tad-Djar għarrfet lill-Uffiċċju tal-Ombudsman li fl-1 ta’ Settembru 2017 kienu daħlu fis-seħħ regolamenti ġodda dwar lifts għall-passiġġieri. Għaldaqstant, kien jeħtieġ li jsir xi tibdil fix-xaft biex dan ikun konformi mal-ħtiġijiet il-ġodda. Ix-xaft reġa’ ġie assessjat u ġie determinat li jeħtieġ li jsiru xi xogħlijiet fuq in-naħa tal-kuritur.

L-Awtorità tad-Djar infurmat lill-Ombudsman li d-dokument tat-tender kien ġie rivedut u li ġie riferut lill-MFCS (Ministerial Procurement Unit). Il-lift li kien se jiġi provdut kien se jkun lift ta’ tmien passiġġieri, konformi mal-aħħar verżjoni tal-Accessibility for All Guidelines skont il-ħtieġa fil-lifts kollha tal-blokki tal-akkomodazzjoni soċjali.

L-Uffiċċju baqa’ jsegwi dan l-ilment mal-Awtorità tad-Djar u insista li jeħtieġ li jiġi stabbilit żmien meta dan il-lift kellu jiġi installat. Eventwalment, f’April 2019, l-Ombudsman ġie infurmat li t-tender ġiet approvata u kienet se toħroġ sejħa għall-offerti. L-Awtorità sostniet li ma setax
jiġi stabbilit żmien qabel ma jitlesta l-proċess tas-sejħiet għall-offerti.

Ladarba l-Ombudsman kien stabbilixxa li l-Awtorità kienet ħadet passi konkreti biex tindirizza s-sitwazzjoni, deherlu li f’dan l-istadju seta’ jagħlaq il-każ. L-Ombudsman informa lill-persuna li lmentat li jekk l-installazzjoni tal-lift tibqa’ ma sseħħx minħabba dewmien esaġerat tista’ terġa’ tirrikorri għandu biex issir aktar investigazzjoni.