Ilment formali mal-UE dwar kuntratt ta’ miljuni

Archives

Il-Partit Demokratiku, min-naħa tagħhom irreġistraw kwerela formali mal-Kummissjoni Ewropea, biex tinfetaħ investigazzjoni dwar il-ksur tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea f’għotja ta’ kuntratt li jinvolvi r-residenza ta’ San Vincenz.

Qalu li hemm dubji serji ta’ kemm il-proċedura addotta hi korretta fil-każ tal-offerta li tammonta għal €274,000,000 ta’ fondi pubbliċi għall-bini ta’ swali ġodda. Dan ifisser li regolamenti u prattiċi ma ġewx segwiti a skapitu ta’ flus iċ-ċittadini.

Il-Partit Demokratiku, fi stqarrija qal li hu tal-fehma li l-Gvern qed jonqos milli jamministra b’mod ġust, trasparenti u kontabbli l-flus miġbura mit-taxxi u l-bejgħ tal-assi tal-poplu. Qal ukoll li jemmen bis-sħiħ li l-anzjani għandhom ikollhom kull opportunità li jgħixu ħajja dinjituża f’ambjent kemm jista’  bħal ta’ djarhom. Il-flejjes li qed jintefqu fuq binja residenzjali li qed  ticċentralizza aktar din it-tip ta’ kura f’ żona waħda, setgħu jintużaw biex ikun hemm djar residenzjali żgħar fil-qalba tal-ibliet u rħula Maltin biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fl-ambjent fejn kienu mdorrija jgħixu.

Tista’ tara l-kopja tas-sottomisjoni hawn.