Ilma mbierek u kannizzati għas-sajjieda Xlukkajri

Is-sajjieda Xlukkajri u d-dgħajjes tagħhom tbierku fil-ftuħ tal-istaġun tal-lampuki, li jibda nhar it-Tlieta li ġej u jwassal sal-31 ta’ Diċembru.
Fi stqarrija, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd Clint Camilleri, intqal li llum, ‘il fuq minn 20,000 kannizzata kienu preparati mis-sajjieda Maltin u Għawdex. Din is-sena l-istaġun hu magħmul minn 113-il rimja mqassmin madwar Malta u Għawdex. L-aktar frekwentati huma Marsaxlokk, Wied il-Għajn, San Pawl il-Baħar u x-Xlendi.
L-istess stqarrija tgħid li s-sena li għaddiet, il-bejgħ tal-lampuki laħaq il-€1.4 miljun.
Clint Camilleri saħaq li se jara li tiġi implimentata malajr kemm jista’ jkun it-tneħħija tat-taxxa ta’ 3% fuq id-dħul tas-sajjieda. Żied jgħid li qed jaħdem sabiex iwassal għat-twettieq ta’ diversi proġetti infrastrutturali għall-benefiċċju tas-sajjieda, fosthom il-breakwater u diversi slipways f’Marsaxlokk u madwar Għawdex sabiex jiżdied l-aċċess għall-baħar.
Id-Direttur Ġenerali tas-Sajd u Akwakultura Dr Andreina Fenech Farrugia tenniet li l-liċenzja tas-sajd għal-lampuki, minħabba li tagħti privileġġ, twassal għal diversi obbligi importanti li jridu jiġu mwettqa. Saħqet li huwa essenzjali li sajjied jinforma lid-Direttorat meta jkunu se jidħlu lura l-port sabiex iħottu u jiddikjaraw il-qabda tagħhom quddiem uffiċjali tad-Direttorat.
Ritratt: DOI