Ilma, kutra u mħadda lil dawk li jreddgħu fuq l-Air Malta min-nhar il-Ġimgħa

L-Air Malta nediet uffiċjalment policy dwar it-treddigħ tat-trabi waqt it-titjiriet tagħha.
Kien Newsbook.com.mt li aktar kmieni dan ix-xahar żvela li l-linja nazzjonali se tniedi policy li taħbat bl-eżatt mal-ġimgħa dinjija għat-treddigħ tat-trabi, li se ssir bejn l-1 u s-7 ta’ Awwissu.
L-Air Malta qalet li l-ommijiet li jreddgħu huma mħeġġa jgħarrfu lill-ekwipaġġ tal-kabina matul it-titjira tagħhom, biex jingħataw iktar għajnuna.
Charlene Bebiano Oliveira, il-Kap tal-Ekwipaġġ tal-Kabina u s-Servizzi tul it-Titjira, qalet li l-ekwipaġġ tal-kabina ngħata tagħrif biex ikun jista’ jassisti lill-ommijiet bi kwalunkwe mod possibbli.
Kien f’Mejju li għadda, wara li Newsbook.com.mt irrapporta li minkejja li l-Air Malta tippermetti treddigħ abbord m’għandhiex regoli uffiċjali, li uffiċjali tal-Air Malta ltaqgħu mal-Assoċjazzjoni tal-Qwiebel Maltin  (MMA) biex jiddiskutu din il-politika.
Is-Segretarja tal-MMA, Rebecca Gilson, qalet li hi kburija bid-deċiżjoni tal-ajru nazzjonali għax in-nisa li jreddgħu jeħtieġu appoġġ u protezzjoni.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, l-ommijiet li jreddgħu fuq l-ajruplani tal-Air Malta, se tingħatalhom tazza ilma, kif ukoll imħadda jew kutra, biex it-tarbija tkun iktar komda.
B'hekk is-servizz li l-linja tal-ajru nazzjonali se tkun qed toffri lill-ommijiet, se jkun ferm aħjar minn dawk li joffru l-Air Canada, il-Lufthansa, l-Air France u l-British Airways.