‘Ilma ġdid’ se jasal għand aktar bdiewa

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fetħet sejħa għal tenders biex jitħejjew trinek u l-pajpijiet neċessarji għan-netwerk distributorju tal-ilma tat-tieni klassi.
Il-Korporazzjoni qalet li madwar 170 bidwi mill-Mellieħa qalu li pproduċew ħxejjex aħjar bis-sistema ta’ drenaġġ ittrattat permezz tal-irrigazzjoni.
Minħabba f’hekk, din il-korporazzjoni qed tkompli tkabbar in-netwerk biex l-‘ilma ġdid’ jasal għand aktar bdiewa.
Ġie spjegat il-mod ta’ kif jiġi ttrattat dan l-ilma biex minn drenaġġ isir ‘ilma ġdid’. Jgħaddi minn tliet fażijiet bl-ewwel tkun l-ultra-filtration, fit-tieni fażi jgħaddi minn reverse osmosis, u fit-tielet fażi jingħata l-ossiġnu meħtieġ minn sustanzi tajbin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Richard Bilocca qal li din il-proċedura bi tliet fażijiet hija revoluzzjonarja u ssegwi l-aktar pajjiżi kbar fil-qasam bħalma huma l-Iżrael u s-Singapore.
Spjega li bit-tender il-ġdid qed ifittxu li jibnu netwerk li jkopri 400 tomna ta’ art b’20km ta’ pajpijiet u l-installazzjoni ta’ madwar 140 vit għal bdiewa.