Filmat: €10 miljun għal impjant tal-ilma f’Għawdex

Il-kwalità tal-ilma f’Għawdex hi mistennija li titjieb issa li beda l-proċess biex jinbena impjant tar-reverse osmosis.

Dan il-proġett għandu jitlesta f’sentejn, u se jieħu post distillerija f’Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Richard Bilocca qal li l-impjant se jkun qed jipproduċi 9000 kubu ilma kuljum, sabiex ikopri l-provvista tal-ilma anke f’każ ta’ qtugħ tal-elettriku.

Il-Korporazzjoni ħarġet sejħa għal tenders għal dan il-proġett b’madwar €10 miljun, li se tibqa’ miftuħa għal xahrejn.

Dan il-proġett hu parti minn katina ta’ proġetti li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed twettaq b’investiment ta’ €100 miljun bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej.