“Illum xi ħadd jista’ jitfa’ minuta mid-diskors tiegħi fuq il-media u tinftiehem ħażin” – Mons. Galea-Curmi

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal li llum wieħed irid joqgħod attent x’jgħid għax ninsabu f’dinja ta’ komunikazzjoni soċjali. Qal li jekk hu jitkellem illum, xi ħadd jista’ jaqbad minuta u nofs milli jkun qed jgħid, jitfagħha fuq il-media u jgħid “ara dan x’qed jgħid kontra dak u kontra l-ieħor”.

Mons. Galea-Curmi qal dan waqt omelija f’ċelebrazzjoni tal-Gruppi Familji Nsara fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Hu sostna li meta jiġri li parti biss minn diskors toħroġ fil-media, ħafna nies jisimgħu lilha biss u b’hekk tasal għandhom aħbar ħażina. Qal li minħabba f’hekk, l-esperjenza tagħhom tal-Knisja tkun ħażina. Sostna li ħafna nies m’għandhomx sabar ifittxu biex jaraw il-verità sħiħa u b’hekk jitqarrqu u jtaqqlu qalbhom.

“Irridu nkun pożittivi”

L-Isqof Galea-Curmi qal li dawk kollha msejħin biex ixandru l-bxara t-tajba jridu jkunu pożittivi għax huma imsejħin “iwasslu lin-nies dak li hu tajjeb, dak li hu sabiħ, dak li hu ta’ ġmiel.” Qal li wieħed importanti li joqgħod attent milli jaqa’ fit-tentazzjoni li jittieħed mill-ambjent ta’ madwaru u jispiċċa jwassal aħbarijiet ħżiena. Qal li dan ma jfissirx li wieħed ma jkunx realistiku meta jitkellem u li għandu jitkellem dwar id-diffikultajiet u l-problemi tas-soċjetà imma mhux jirrepetihom tant li jaqta’ qalb dawk li jisimgħuh.

“Ma nkunux nies li nemmnu mod u nagħmlu ieħor”

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Galea-Curmi talab għall-koerenza, jiġifieri li wieħed jgħix dak li jemmen. Appella sabiex “ma nkunux nies li ngħidu u nemmnu mod u nagħmlu mod ieħor”. Qal li huwa ħażin li wieħed jaħseb li għandu garanzija għax midħla tal-Knisja. Qal li hawn min huwa midħla tal-Knisja imma qalbu tkun ‘il bogħod minn Alla.

“Alla hu ta’ kulħadd”

Mons. Galea-Curmi insista dwar l-importanza tal-inklussività u rrimarka li “Alla hu ta’ kulħadd”. Qal li Alla jrid lil kull bniedem, hu min hu, hu minn fejn hu, qrib tiegħu. Qal li rridu niftakru li wieħed ma jistax jifred in-nies minħabba razza, ilsien, jew kategoriji oħra.