Aġġornata: Approvat mill-ġdid il-proġett tal-Grupp db

It-Tribunal tal-Appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar (EPRT) reġa’ tenna l-approvazzjoni tiegħu għall-iżvilupp kontroversjali tal-Grupp db f’Bajja San Ġorġ. Dan wara li ilu propju tliet xhur jisma’ kawża ta’ appell kontra l-proġett inniffsu.

Il-proġett li se jieħu post il-binja li qabel kienet tintuża mill-ITS se jkun jinkludi fih torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular. Hu kien ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Settembru li għadda minkejja l-eluf ta’ oġġezzjonijiet li kienu daħlu dwar dan il-proġett.

Intant illum, it-Tribunal qal lill-iżviluppaturi li minkejja li l-proġett tagħhom ġie approvat, hemm bżonn li l-iżviluppaturi jissottomettu pjanti ġodda. Dawn għandhom jinkludu żieda fiż-żoni ta’ spazju miftuħ filwaqt li talbu għal tnaqqis fl-għoli tat-torri u l-lukanda.

Intant Transport Malta intalbet tikkonferma jekk it-toroq tal-madwar humiex suffiċjenti għaż-żieda fit-traffiku li l-iżvilupp jista’ jġib miegħu.

“Investigawna, m’għandniex x’naħbu” – Il-Grupp db dwar is-sit ta’ Pembroke

Dan il-proġett kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja, mhux biss minħabba l-aspett ewlieni, dak ambjentali, imma anke minħabba li membru tal-Bord inġabet Malta b’jet privat biex tivvota favur, u swiet lill-Awtorità madwar €8,000.

Inġabet b’business jet privat biex tivvota favur id-db Group

It-tribunal tal-appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar kien ordna li jiġi sospiż ix-xogħol fuq il-proġett tat-torri u l-lukanda f’Pembroke tal-Grupp db sakemm jiġi konkluż l-appell pendenti kontra dan l-iżvilupp. Jiġifieri jekk id-deċiżjoni tal-lum tinqata’ favur il-Grupp db, mela x-xogħol fuq is-sit ikun jista’ jitkompla.

Sospiż ix-xogħol tal-Grupp db fuq is-sit tal-ITS f’Pembroke

L-appell ġabar l-appoġġ ta’ 17-il resident, għaqdiet mhux governattivi u tliet kunsilli lokali – Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi. Hu kien possibbli b’kampanja ta’ ġbir ta’ fondi li bdiet fis-7 ta’ Ottubru u li matulha nġabru €24,350. Il-mira ta’ €15,000 inġabret fl-ewwel erbat ijiem tal-kampanja.

“Pożittiva għax il-permess sospiż” – l-għaqdiet kontra l-proġett

Il-Moviment Graffitti ra din id-deċiżjoni bħala waħda pożittiva għaliex it-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar iddeċieda li l-permess għalissa jkun sospiż u li x-xogħol ma jistax jibda.

Qalu li d-db Group issa jridu jbiddlu l-pjanijiet tagħhom konsiderevolment u jissottomettuhom għand it-Tribunal. It-Tribunal ordna tnaqqis ta’ madwar tliet sulari fl-għoli tat-torri  u tal-lukanda, kif ukoll iktar spazji miftuħa għall-pubbliku. Fissru kif fil-prattika, dan ifisser li l-proġett irid jiċkien sabiex jidħol fid-diżinn tiegħu iktar spazju miftuħ għall-pubbliku.

Il-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi flimkien ma’ 8 għaqdiet oħra mistennija jiftħu azzjoni legali oħra fil-Qorti fil-jiem li ġejjin.