Illum tingħata l-aħħar tislima lil “Terry tal-Bay u tal-Vibe”

Wara li fil-31 ta’ Mejju tħabbret il-mewt tal-preżentatur tar-radju magħruf Terry Farrugia, illum waranofsinhar se jkun qed jingħata l-aħħar tislima.

Dan tħabbar f’messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook li ġiet imwaqqfa għalih sabiex jinġabru l-flus ħalli jkun jista’ jibqa’ jikseb il-kura fi żmien diffiċli. Il-funeral se jsir fis-2pm fis-Santwarju tal-Ħniena Divina f’San Pawl tat-Tarġa. Intant il-familja qed titlob sabiex minflok kartolini u fjuri, il-pubbliku jagħmel donazzjoni lil Puttinu Cares.

FUNERAL ANNOUNCEMENTTuesday we celebrate the life of a friend, mentor, colleague, boss and most of all an inspiration to us all.

Posted by Terry Time Trust on Sunday, June 2, 2019

Intant illum, għall-ħabta tat-8.05am, numru ta’ stazzjonijiet tar-radju se jkunu qed jagħmlu minuta ta’ skiet b’rispett għalih.

Aqra: Titħabbar il-mewt ta’ “Terry tal-Bay u tal-Vibe”

Kmieni din is-sena kien sar appell għall-pubbliku biex jiġbru l-flus għat-trattamenti tiegħu wara li marad bil-kanċer.

Fuq websajt li ttellgħet apposta għalih www.terrytime.org, ġiet spjegata l-istorja ta’ Terry. Hu beda l-karriera tiegħu fil-bidu tad-disgħinijiet mal-Island Sound Radio bil-programm tiegħu Terry Time. Hu mbagħad beda jaħdem ma’ Bay Radio u wara ma’ Vibe FM. Hu ilu jmexxi l-istazzjon Vibe FM mill-2009.

F’April tal-2016, Terry sar jaf li marad bl-Acute Myeloid Leukaemia (AML). Mad-dijanjosi hu ttieħed l-isptar u ngħata l-kimoterapija. Minkejja dan, wara sena, Terry u familtu rċevew l-aħbar li l-marda reġgħet lura u kellu bżonn trattament aktar aggressiv u bżonn ta’ trapjant tal-mudullun. Minħabba li ma sabx donatur adult, l-għażla li jmiss kienet li jagħmel trapjant li jista’ jsir biss fir-Renju Unit.

Aqra: “Terry tal-Bay u tal-Vibe” fi bżonn ta’ €500,000 biex ifiq mill-kanċer

Terry għamel dan it-trapjant f’Marzu tal-2018. L-ewwel testijiet indikaw li kien ta’ suċċess, madanakollu testijiet oħrajn urew li kien hemm ċelloli żgħar tal-marda li reġgħu rritornaw. Ftit wara ġie kkonfermat li Terry reġa’ kellu l-kanċer. It-tobba ddeċidew li jfittxu tip ta’ mediċina differenti u Terry qaleb għall-aħjar.

Iżda erba’ xhur wara reġa’ tfaċċa. Immedjatament bdiet it-tfittxija għall-kura mill-ġdid u nstab trattament li qed jaħdem fuqu ċentru fi Houston f’Texas. Il-fondi li kienu qed jinġabru kienu biex Terry ikun jista’ jmur sal-Istati Uniti u jirċievi t-trattament.

Aqra: Audio: “Always smiling, even during treatment” – JD Patrick