Illum tingħata l-aħħar tislima lil Charles Zammit Moore

Illum il-Ħamis fis-2.30pm fil-knisja ta’ San Publju fil-Furjana se jsir il-funeral ta’ Charles Zammit Moore, persuna magħrufa fil-qasam tal-pubblikazzjonijiet li ħalla din id-dinja nhar it-Tlieta li għadda.

Charles kien midħla sewwa tal-ġurnali u l-pubblikazzjonijiet Maltin wara li għadda aktar minn 40 sena mpjegat bħala Head of Sales tal-gazzetti u tal-istazzjonijiet li jmexxi l-Partit Nazzjonalista. Charles kien fost l-ewwel impjegati li daħlu jaħdmu mal-ġurnal In-Nazzjon Tagħna fl-1970 li matul is-snin żdiedu wkoll gazzetti oħrajn.

Hu kien ta’ ispirazzjonijiet għal diversi proġetti fl-Istamperija fejn minbarra ħafna supplimenti dwar avvenimenti u suġġetti partikolari ħadem biex jiġbor premjijiet li kienu jitqassmu fil-Lotterija tal-Indipendenza u għall-Maratoni ta’ Ġbir ta’ Fondi.

Charles Zammit Moore waqt Net Honours f’Settembru li għadda

F’Settembru li għadda Charles Zammit Moore ġie onorat minn media.link Communications waqt is-serata li għamlu ta’ Net Honors.

Nagħtu l-għomor lil martu Alida, lil uliedu Charlene u Alison u żwieġhom, lil ommu Doris u lil ħutu Josephine u Terry.