Qtil Charlene Farrugia: L-akkużat jallega li qatilha ħaddieħor; hu ħeba l-katavru

Read in English.

Propju llum bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ John Paul Charles Woods, li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Charlene Farrugia 12-il sena ilu.

Farrugia kienet għebet fl-età ta’ 25 sena fis-7 ta’ Novembru tal-2008. Hi kienet tgħix San Pawl il-Baħar, u kienet dehret l-aħħar liebsa qmis sewda, jeans u papoċċ abjad. Il-Pulizija kienet ħarġet numru ta’ appelli għall-pubbliku dwarha sabiex jekk xi persuni kellhom xi informazzjoni dwar l-għajbien tagħha jwassluha lill-Pulizija. Minkejja dan, hi qatt ma kienet instabet.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Illum xehed l-Ispettur James Grech mill-Prosekuzzjoni
  • F’Lulju tal-2019, John Paul Charles Woods minn jeddu qal lill-pulizija li qatel tfajla xi snin qabel, meta hu nqabad dwar reat ieħor
  • Iddeskriva l-mod makabru kif qatilha u qatta’ ġisimha biċċiet; imbagħad poġġa l-partijiet ta’ ġisimha f’5 xkejjer; uħud minnhom tefagħhom ġo skipp, oħrajn poġġiehom ġo xelter fil-Furjana
  • Għall-bidu, Woods baqa’ jirrifjuta l-assistenza legali
  • Ladarba kiseb l-assistenza legali, il-verżjoni tiegħu bidilha u semma bniedem ieħor li qal li kien dan li qatel lil Charlene Farrugia; skont Woods, hu ħeba l-katavru wara li qattgħu biċċiet
  • Il-Pulizija għandha ħafna mistoqsijiet dwar il-verżjonijiet kunfliġġjenti ta’ Woods li għadhom ma twiġbux
  • Meta l-Pulizija laqqgħet lir-raġel li semma Woods u lil Woods flimkien, dan staqsa l-istess mistoqsijiet li għandha l-Pulizija lil Woods, peress li xi affarijiet ma kinux jagħmlu sens
15:41 Dan il-blogg se jintemm hawn. Grazzi talli segwejtuna, u l-kumplament tal-ġurnata t-tajba.
Sephora Francalanza
15:40 Is-seduta li jmiss se ssir l-Erbgħa 15 ta' Lulju fis-2pm, u mbagħad issir seduta oħra nhar il-Ġimgħa.
Sephora Francalanza
15:37 Kien missier il-vittma li għamel rapport għand il-pulizija li bintu kienet nieqsa fl-2008. Huwa kien imsiefer meta hija għebet.
Sephora Francalanza
15:36 Missier il-vittma għandu jixhed f'seduta oħra, iżda l-Prosekuzzjoni titlob li din ix-xhieda tingħata bil-videoconferencing.
Sephora Francalanza
15:35 Il-kontro-eżami huwa riservat.
Sephora Francalanza
15:29 Il-Qorti hija preżentata wkoll bil-konfessjoni li ta l-akkużat meta kien l-isptar f'Lulju tal-2019, u xi rifjuti li għamel l-akkużat għall-assistenza legali. Preżentati wkoll is-CDs bir-rikordings tal-interrogazzjonijiet li saru lil John Paul Charles Woods.
Sephora Francalanza
15:28 L-uffiċjal jippreżenta wkoll rapporti li ttieħdu mis-CVA meta ntlemħet il-karozza ta' Charlene Farrugia fil-Belt Valletta fl-2008 wara li nqatlet.
Sephora Francalanza
15:28 Preżentati wkoll tpinġijiet li għamel Woods stess tat-taqtir tad-demm li sab mal-ħajt.
Sephora Francalanza
15:28 Ippreżentat ukoll ċertifikat li juri li fl-20 ta' Lulju, 2019, Woods ġie ċċertifikat f'qagħda tajba biex jiġi interrogat.
Sephora Francalanza
15:28 Preżentat rapport ieħor mill-24 ta' Settembru, 2019, li għamel l-uffiċjal stess dwar dan il-każ bħala omiċidju.
Sephora Francalanza
15:26 Fil-qorti huwa preżentat ir-rapport, datat fl-4 ta' Novembru, 2008, li għamel missier Charlene meta hi ġiet irrappurtata nieqsa.
Sephora Francalanza
15:26 Tressaq il-qorti l-għada, it-3 ta' Lulju, 2020 wara li l-Pulizija kellha konferenza stampa biex tħabbar dan.
Sephora Francalanza
15:25 L-attitudni tiegħu kienet totalment differenti, jgħid il-pulizija. Kull darba li bdew jgħidulu fatti kunfliġġjenti li qal hu, hu beda jinnervja, iqum jippassiġġa u jibgħat lill-pulizija jixxejjer. Ma bediex jikkopera.
Sephora Francalanza
15:24 Fit-2 ta' Lulju, 2020, meta Woods kien għadu qed jinżamm arrestat bil-police bail, il-pulizija kellmuh għall-aħħar darba. F'din l-istqarrija, il-pulizija riedu jiċċaraw diversi punti peress li Woods kien bidel diversi verżjonijiet.
Sephora Francalanza
15:23 Il-mistoqsijiet li staqsa dan l-individwu kienu l-istess li mistoqsijiet li kellhom il-pulizija, ngħidu aħna, kif jista' jkun li ħa boroż bil-katavru ta' Charlene b'tal-linja minn San Pawl il-Baħar sal-Belt Valletta, u kif Woods m'għamilx rapport għand il-pulizija.
Sephora Francalanza
15:22 Darba minnhom għamlu konfront bejn iż-żewġ irġiel: Woods qal l-istorja lil dan l-allegat qattiel wiċċ imb wiċċ. Huwa ħa xi noti u ngħata l-possibbiltà li jgħaddi xi kummenti u jistaqsi xi mistoqsijiet.
Sephora Francalanza
15:22 Kellmu lill-allegat qattiel u t-tfajla tiegħu ta' dak iż-żmien diversi drabi.
Sephora Francalanza
15:22 Woods tahom stqarrija oħra. Il-Pulizija kompliet tinvestiga, rat xenarji oħra, interrogat iżjed persuni. Wara 11-il sena kienet diffiċli li jsibu evidenza ġdida.
Sephora Francalanza
15:22 L-uffiċjal jgħid li dawn il-mistoqsijiet baqgħu mistoqsijiet.
Sephora Francalanza
15:20 Il-Pulizija dehrilha li ħafna milli qal Woods ma kienx jagħmel sens, pereżempju l-fatt li ma marx għand tabib biex idewwi d-daqqa ta' fuq spalltu. Mistoqsija oħra kienet dwar il-boroż taż-żibel li ħareġ fuq il-bankina, li dawn għebu u hu allega li ħadhom il-qattiel tagħha – kif dan kien jaf li l-boroż kellhom il-fdalijiet ta' Charlene fihom?
Sephora Francalanza
15:20 Fl-istqarrija li ta fit-8 t'Awwissu, Woods qal li lil Charlene qattgħalha ġisimha u niżżlu l-Belt fl-istess jum.
Sephora Francalanza
15:19 Il-Pulizija rat li dan kollu ma bediex jagħmel sens, donnu kien qed jagħti verżjonijiet kunfliġġjenti tal-istorja.
Sephora Francalanza
15:19 Qal li l-ixkejjer niżżilhom ġo bagalja tas-safar b'karozza tal-linja.
Sephora Francalanza
15:18 Id-daqqa tax-xafra kienet daqqa kbira, allura l-pulizija sabuha diffiċli biex jemmnu li Woods għamel dan kollu bid-daqqa li tah l-allegat qattiel.
Sephora Francalanza
15:18 Il-boroż l-oħra ħadhom il-Furjana, ġo xelter wara l-lukanda Phoenicia. Mar jixtri d-droga u ddeċieda li jħalli l-boroż hemm.
Sephora Francalanza
15:18 Il-boroż ħariġhom fuq il-bankina. Ftit wara ttawwal u rrealizza li għalkemm iż-żibel ma kienx inġabar, dawn ma kinux hemm. Ra lil dak li allegatament qatilha dieħel ġo karozza ma' tfajla.
Sephora Francalanza
15:17 Fis-2pm kellu jiġbor lit-tfajla, allura ħareġ ġisem il-vittma fil-bitħa u għattieh bis-saqqu. Qattgħalha ġisimha. Il-partijiet qasamhom ġo 5 boroż taż-żibel. Xtara aktar ramel għax kellu bżonn aktar xkejjer. Xtara 2 xkejjer ta' għamla oħra.
Sephora Francalanza
15:17 Jaf li Charlene kellha handbag fuqha, imma ma kienx għadu hemmhekk. Iżda l-mowbajl u ċ-ċwievet tal-karozza kienu għadhom hemm.
Sephora Francalanza
15:17 Għamel xi jumejn ma deherx. Woods ma kienx jaf x'se jagħmel u hemm iddeċieda li jqatta' ġisem Charlene Farrugia biex jeħles minnu minn ġol-flett.
Sephora Francalanza
15:17 Kif dan ħassu ma jista' jagħmel xejn, lil Woods beda jgħidlu, "Ikkalma, ħa nġib id-droga għax int qiegħed sick." Woods qal li ma ġiex lura, u ħallieh bil-katavru ta' Charlene Farrugia fil-flett.
Sephora Francalanza
15:17 Fil-kuritur ma ra lil ħadd, mexa lejn il-kamra tas-sodda, u hemm ra lil Charlene Farrugia bilqiegħda mal-art, isserraħ mal-ħajt. Kienet tidher mejta. Fil-gwardarobba kien hemm is-suspettat l-ieħor b'xafra f'idu. Woods qallu, "X'għamilt? X'ġara?" Is-suspettat xejjer ix-xafra. Kien hemm il-plastik mal-art, u s-suspettat żelaq fih.
Sephora Francalanza
15:11 Ix-xhud jgħid li dan is-suspettat kien se jġib id-droga għal John, biex joħduha flimkien. Fl-aħħar tfaċċa ma' Charlene Farrugia. Qallu, "Mur ġib is-siringi u jien inġib l-eroina." Woods qal li sakemm hu mar l-ispiżerija jġib is-siringi (madwar 20 minuta), daħal lura l-flett.
Sephora Francalanza
15:11 L-avukata tad-difiża titlob li isem dan is-suspettat ma jidhirx fil-midja għalissa. Il-Maġistrat tgħid, "Issa naraw."
Sephora Francalanza
15:10 Waqt din l-interrogazzjoni, semma lil raġel ieħor. L-istess suspettat li kellha l-Pulizija mill-2008. Il-Pulizija stenniet lil Woods isemmi lil dan is-suspettat hu stess.

Dak iż-żmien, ir-raġel li semma kien is-sieħeb ta' oħt Jonathan Attard, is-sieħeb ta' Charlene.
Sephora Francalanza
15:09 John Paul Charles Woods kellu police bail f'Awwissu tal-2019. Huwa talab li jkellem lill-Pulizija urġenti. Ried ikellimhom bl-Ingliż peress li trabba l-Ingilterra.
Sephora Francalanza
15:08 Waqt li l-uffiċjal qed jgħid dan kollu, Woods jidher qed ixengel rasu.
Sephora Francalanza
15:06 Ix-xhud isemmi telefonata li kienet saret bejn Jonathan Attard u l-vittma fil-5 ta' Novembru. Is-sieħeb tagħha kien il-ħabs.

Charlene tinstema' ddisprata, tgħidlu li m'għandhiex flus, u Jonathan jgħidilha, "Lil John rajtu?" Tgħidlu, "Ġie xi darbtejn, qed jiffittani." Jgħidilha, "Il-flus tlabthomlu?" Hi tgħidlu li sejra l-għada. L-għada fil-fatt inqatlet.
Sephora Francalanza
15:05 Fis-7 ta' Novembru, 2008, bejn 16:28 u 16:36, fid-9 ta' Novembru, 2008: il-vettura dehret tintuża skont is-sistema tas-CVA. Dawn ma jaqblux ma' dak li qal Woods li qal li kien jidħol il-Belt kemm jixtri d-droga u jitlaq. Hu kien qal ukoll li l-karozza għamel ftit ġranet jużaha wara li qatel lill-vittma.
Sephora Francalanza
15:04 Imbagħad sar rapport li Charlene kienet nieqsa.
Sephora Francalanza
15:04 Meta waslu wlied Attard id-dar mill-iskola, li kienet tieħu ħsiebhom Charlene, hija ma kinitx id-dar. Qagħdu jistennew fil-komun sa xi l-4pm.
Sephora Francalanza
15:03 Mir-riċerka u l-investigazzjonijiet li għamlu l-Iskwadra tal-Vizzji, deher li s-sieħeb tal-vittma, Jonathan Attard, kien tressaq il-qorti. Charlene Farrugia kienet marret id-Depot dwar il-vettura tas-sieħeb tagħha, u biex tieħu permess biex tara lil seħibha l-ħabs. Din kienet l-aħħar darba li dehret Charlene Farrugia.
Sephora Francalanza
15:03 L-uffiċjal tas-CID li qed jixhed jgħid li milli qalilhom Woods dehrilhom li jaf hemm persuna oħra involuta.
Sephora Francalanza
15:02 Ġie mistoqsi fuq il-vettura ta' Charlene Farrugia u fuq l-individwu li ħadha. Ċaħad li qal dan l-individwu li Woods kien talbu jieħu l-karozza Verdala f'Bormla.
Sephora Francalanza
15:01 Fit-30 ta' Lulju, 2019, Woods reġa' ġie interrogat. Għal darb'oħra, irrifjuta li jkollu avukat preżenti.
Sephora Francalanza
15:01 Il-kampjuni li nstabu ma kienx fihom biżżejjed preżenza ta' demm. Ix-xhud ifakkar li għaddew 11-il sena.
Sephora Francalanza
15:01 L-iskipps kienu f'żewġ toroq separati. Il-flett ġie eżaminat għal xi preżenza ta' demm minn Dr Marisa Cassar, esperta tal-qorti.
Sephora Francalanza
15:00 Il-pulizija rnexxielhom jieħdu xi kampjuni tad-demm minkejja li kienu għaddew dawn is-snin kollha.
Sephora Francalanza
15:00 Woods dawwar lill-pulizija mal-appartament u fehemhom x'kien ġara dawk is-snin qabel u fejn.
Sephora Francalanza
14:59 Il-flett għadu tal-eks sieħba tal-akkużat. Għadu mingħajr għamara għalkemm intuża għal xi żmien.
Sephora Francalanza
14:59 Fl-20 ta' Lulju tal-2019, Woods qabel li jakkumpanja lill-pulizija fejn seħħ l-omiċidju.
Sephora Francalanza
14:59 Sadattant, il-Pulizija kellmet lill-individwu li uża l-karozza jumejn wara li nqatlet il-vittma. Woods kien talbu jieħu l-karozza għand panel beater fil-Belt Valletta. Il-karozza baqgħet qatt ma nstabet.
Sephora Francalanza
14:58 Oħt il-vittma, li hi preżenti fl-awla, kienet intalbet tagħti kampjun tal-identità t'oħtha. B'hekk ġie kkonfermat li l-vittma kienet fil-fatt Charlene Farrugia.
Sephora Francalanza
14:58 Dawn kienu ras u s-saqajn tal-vittma.
Sephora Francalanza
14:57 Woods, wara li rrakkonta dan kollu, ħa lill-pulizija fix-xelter il-Furjana, fejn instabu l-fdalijiet tal-vittma, kif iddeskriva hu.
Sephora Francalanza
14:57 Il-karozza tagħha taha lil ħabib tiegħu li ma kien jaf xejn dwar dan l-omiċidju. Wara li għamel xi jumejn jużaha, dan ħallieha xi mkien il-Belt.
Sephora Francalanza
14:56 Wara li rema l-ixkejjer f'żewġ skipps separati f'San Pawl il-Baħar. Ħalla l-ixkejjer li kien fihom ir-ras u s-saqajn il-Furjana.
Sephora Francalanza
14:55 Irċieva lmenti mingħand ir-residenti li kien hemm riħa tinten. Qalilhom li kienet problema ta' drenaġġ. Qatta' l-ġisem f'diversi partijiet żgħar biex ikun jista' joħorġu f'boroż tal-iskart differenti. Ġarrhom fil-karozza tal-vittma stess. Kellha ċ-ċwievet tal-karozza fuqha meta qatilha.
Sephora Francalanza
14:55 Naddaf dan kollu u ra li ma jħallix tiċpis tad-demm.
Sephora Francalanza
14:55 L-għada nnota li d-demm kien qed iċarċar għal ġod-drejn, allura kienu jindunaw ir-residenti tal-blokka.
Sephora Francalanza
14:55 Ħalla l-katavru hemm sal-għada, mgħotti bis-saqqu.
Sephora Francalanza
14:54 Minn hemm, kaxkar ġisimha għal ġol-bitħa tal-komun tal-blokka appartamenti, u hemm kien hemm saqqu ħażin li kien se jintrema.
Sephora Francalanza
14:54 Kellu sikkina f'idu. Taha daqqa ta' sikkina f'għonqha. Id-demm li ħareġ dak il-ħin kien kulur skur. Poġġa idu fuq ħalqha biex iżommilha n-nifs sakemm mietet.
Sephora Francalanza
14:53 Darba minnhom, kellhom xi jgħidu fil-kuritur ta' appartament li kien vojt, bla wisq għamara.
Sephora Francalanza
14:52 Woods qal li Charlene kienet qed tmur tiffittah ta' spiss biex jagħtiha €200. Qal li hi hedditu li jekk mhux se jtihomlha, kienet se tgħid lis-sieħba tiegħu li kellhom x'jaqsmu flimkien, meta dan ma kienx minnu.
Sephora Francalanza
14:51 Waqt it-tieni interrogazzjoni, ikkonferma mill-ġdid dak li wettaq snin twal qabel. Żied jgħid li Jonathan Attard, sieħeb il-vittma, kien il-ħabs u Charlene Farrugia kienet qed tmur fil-flett tas-sieħba tiegħu, fejn kien qed jaħdem, erba' bibien 'il bogħod minn darha.
Sephora Francalanza
14:51 Inħareġ mandat ta' arrest għal Woods meta rrakkonta dan kollu lill-pulizija.
Sephora Francalanza
14:51 Oħt il-vittma tidher qed tibki waqt li l-uffiċjal tas-CID qed jirrakkonta kif inqatlet Charlene Farrugia.
Sephora Francalanza
14:50 Ġie kkonfermat li l-persuna li kien qatel kienet Charlene Farrugia.
Sephora Francalanza
14:49 Taha daqqa b'arma taqta' u bil-ponta. Għamel idu ma' ħalqha biex jaqtgħalha n-nifs. Qattgħalha ġisimha. Ir-ras u s-saqajn poġġiehom ġo xkora. Tefa' ġo fihom taħlita ta' siment u poġġiehom ġo xelter il-Furjana.
Sephora Francalanza
14:48 Stqarr minn jeddu li l-persuna li qatel kienet Charlene jew Charmaine, kellha xi 17-il sena u s-sieħeb tagħha kien Jonathan Attard. Meta ġiet maqtula, is-sieħeb tagħha kien il-ħabs. Woods qal li kienet toqgħod mas-sieħeb tagħha fl-istess triq fejn hu kien jagħmel xi xogħol fl-appartament tat-tfajla tiegħu fi Triq Efesu f'San Pawl il-Baħar.
Sephora Francalanza
14:48 L-Ispettur Jonathan Ransley ħadlu l-istqarrija. Din il-konfessjoni ġiet irrikordjata b'filmat.
Sephora Francalanza
14:47 Jitla' jixhed uffiċjal tas-CID. Jgħid li l-investigazzjoni bdiet fid-19 ta' Lulju, 2019, meta Woods ġie arrestat fuq reat ieħor. Kien qiegħed fl-Isptar Mater Dei meta talab li jitkellem ma' uffiċjal fuq omiċidju li wettaq hu, għax qal li qatel tfajla.
Sephora Francalanza
14:45 Fl-awla hawn Noemi Farrugia, membru tal-familja tal-vittma Charlene Farrugia. L-avukat li qed jirrappreżenta lill-familja huwa Dr Mario Mifsud.
Sephora Francalanza
14:44 Tidħol il-Maġistrat Marseann Farrugia fl-awla, liebsa visor.
Sephora Francalanza
14:40 L-avukata tad-difiża tavviċina lill-akkużat u jgħidu kelmtejn. Hija tidher ittaptaplu fuq spalltu.
Sephora Francalanza
14:38 Fl-aħħar seduta tat-3 ta' Lulju, Woods wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih: il-qtil u li ħeba l-katavru tal-vittma. Kien mixli wkoll li żammha kontra r-rieda tagħha, weġġagħha, u li ġarr arma taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja. Filwaqt li ċaħad li huwa ħati, ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Sephora Francalanza
14:37 Dawn kienu l-fdalijiet tal-vittma, li kellha 25 sena meta għebet fl-2008. Kienet toqgħod il-Qawra.
Sephora Francalanza
14:33 Is-sajf li għadda, f'Lulju, l-akkużat kien ġie arrestat fuq hold-up li wettaq f'ħanut il-Gżira. Hu u jiġi interrogat mill-Pulizija, huwa kien ta xi informazzjoni li wasslet sabiex fl-20 ta’ Lulju tal-2019 instabu fdalijiet ta’ persuna fid-daħla tas-sur tal-Belt Valletta.
Sephora Francalanza
14:33 Is-seduta għadha ma bdietx peress li għadha ma waslitx il-Maġistrat Marseann Farrugia.
Sephora Francalanza
14:33 L-akkużat għadu kemm daħal fl-awla liebes visor, u qed ikellem lill-avukata tiegħu.
Sephora Francalanza
14:32 Il-ġimgħa li għaddiet, il-Pulizija għamlet konferenza stampa li fiha ħabbret li b'evidenza ġdida li kellha, setgħet tressaq il-qorti lil John Paul Charles Woods, akkużat bil-qtil ta' Charlene Farrugia.
Sephora Francalanza
14:30 Infakkrukom li llum se tibda tinstema' l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta' Charlene Farrugia, li għebet 12-il sena ilu.
Sephora Francalanza
14:29 Ninsabu f'awla 3, nistennew li tibda s-seduta minn ħin għall-ieħor.
Sephora Francalanza
14:06 Newsbook.com.mt se jkun qed jaġġornakom minuta b'minuta b'dak li jingħad fil-qorti.
Sephora Francalanza
14:06 Il-waranofsinhar it-tajjeb. Insellmulkom mill-kuritur fil-qorti, barra awla 9, fejn is-seduta mistennija tibda fis-2.30pm.
Sephora Francalanza

Fit-3 ta’ Lulju, John Paul Charles Woods wieġeb mhux ħati li qatel lil Charlene Farrugia. Huwa kien dak li wassal lill-Pulizija biex issib il-fdalijiet tal-katavru tagħha s-sena li għaddiet, 11-il sena wara li għebet.

Ir-raġel ta’ 40 sena kien tressaq il-qorti quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, akkużat bil-qtil u li ħeba l-katavru tal-vittma. Kien mixli wkoll li żammha kontra r-rieda tagħha, weġġagħha, u li ġarr arma taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja. Filwaqt li ċaħad li huwa ħati, ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

Il-pass li jmiss wara li tressaq il-Qorti fejn kien akkużat b’dan kollu huwa li tibda l-kumpilazzjoni tax-xhieda. Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ mill-Maġistrat Marseann Farrugia.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet riċenti mill-Pulizija dwar il-każ kien ġie spjegat li għall-bidu, il-każ ġie trattat bħala għajbien ta’ persuna, però huma u għaddejjin l-investigazzjonijiet, il-Pulizija bdiet tħares lejn il-każ bħala omiċidju. Tul dawn it-12-il sena, ġew interrogati għadd ta’ persuni b’rabta mal-każ, iżda kien fl-20 ta’ Lulju tal-2019 li seħħ l-akbar żvilupp fl-investigazzjoni, meta nstabu fdalijiet ta’ persuna fid-daħla tas-sur tal-Belt Valletta, waqt investigazzjoni ta’ reat ieħor kriminali.

Fi stqarrija dak iż-żmien, il-Pulizija kienet qalet li l-każ imur lura għall-2008 meta bdew l-investigazzjonijiet dwar l-għajbien ta’ tfajla Maltija. Il-Pulizija sabet dawn il-fdalijiet wara li John Paul Charles Woods, li ġie arrestat fuq każ separat ta’ hold-up fil-Gżira, qalilhom fejn kienu. Kien ingħad li allegatament kien hu stess li qatel lil Charlene Farrugia. Hu bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ seba’ snin ħabs b’rabta mal-hold-up. Intant, aktar tard il-Pulizija kkonfermat li ġie arrestat xi ħadd ieħor b’rabta mal-każ.

Riċentament, il-Pulizija qalet li issa qed iqisu li dan id-delitt sar f’appartament f’San Pawl il-Baħar. Mistoqsijin il-persuna mressqa l-Qorti x’relazzjoni kellha mal-vittma, il-Pulizija ma setgħetx tikkummenta. Minkejja dawn l-aħħar żviluppi, l-każ għadu mhuwiex magħluq, peress li jaf kien hemm nies oħra involuti.