Filmat: “Qatt ma ksirt il-liġi” – L-Avukat Ġenerali

L-Avukat Ġenerali Peter Grech wera s-sodisfazzjon tiegħu wara ż-żewġ laqgħat li attenda dalgħodu f'Dar l-Ewropa, il-Belt, mal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), hekk kif stqarr li t-taħdidiet mal-Ewroparlamentari tawh l-opportunità biex jispjegalhom li dejjem mexa mal-liġi u wettaq dmirijietu fl-interess tal-poplu Malti u skont il-kostituzzjoni Maltija.
Kompla jgħid li ma sab l-ebda problemi waqt it-taħdidiet tiegħu mal-Ewroparlamentari, hekk kif fi kliemu “kienet laqgħa pożittiva, li tatni l-opportunità li nispjega l-pożizzjoni legali”.
Wara l-aħħar laqgħa, l-Avukat Ġenerali qal li l-kariga tiegħu titlob li jevita kontroversji politiċi u jibqa’ jimxi b'integrità, hekk kif skontu għamel għal dawn l-aħħar 34 sena, u għalhekk għażel li ma kkummentax dwar ir-reazzjoni tal-Ewroparlamentari dwar in-nuqqas ta’ investigazzjoni tar-rapporti maħruġa mill-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU). 
Il-Kumitat LIBE imbagħad iltaqa' wkoll mal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kif ukoll ma' uffiċjali oħra tal-Korp tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.

Madankollu, Newsbook.com.mt ġie infurmat minn uffiċjali li iktar tard dehru deħlin f'karozzi tal-Pulizija, li l-Ewroparlementari ma kinux se jagħtu kummenti lill-ġurnalisti. Dan hekk kif l-Ewroparlamentari se jkunu qed jagħtu l-kummenti tagħhom lill-ġurnalisti għada, wara li jintemmu l-laqgħat.

Id-delegazzjoni ta’ Ewroparlamentari li se tinvestiga jekk il-liġijiet f’Malta humiex jiġu osservati, fi kliem ieħor jekk is-saltna tad-dritt hix tirrenja jew le, bdiet xogħolha dalgħodu fid-9am, b'laqgħa ma' għadd ta' rappreżentanti tal-Aġenzija tal-FIAU, li għaliha kien preżenti l-Avukat Ġenerali, li huwa wkoll ċ-Ċermen tal-Bord tal-Gvernaturi tal-aġenzija.
F’dal-jumejn is-seba’ Ewroparlamentari li jiffurmaw id-delegazzjoni mistennija jiltaqgħu jitkellmu ma’ bosta persuni importanti fil-pajjiż, fosthom il-Prim Ministru, Joseph Muscat, il-Prim Imħallef,  politiċi oħra, u ġurnalisti, li b’xi mod jistgħu jgħinuhom fit-tiftix tagħhom.
Sadanittant, kelliema għall-Grupp tal-Ħodor ilbieraħ kitbet fi tweet li Sven Giegold wasal Malta u kien eskortat mill-Pulizija, filwaqt li żiedet li huma qegħdin hawn biex ifittxu l-fatti.

L-iskorta tal-Pulizija saret ukoll wara talba ta' Ewroparlamentari ieħor, li mhux fid-delegazzjoni, Manfred Weber, iċ-Ċerpersin tal-Partit Popolari Ewropew.
Id-delegazzjoni ttir lura għada l-Ġimgħa fis-2pm.
Sa’ lbieraħ kienu għadhom ma kkonfermawx il-laqgħa tagħhom mad-delegazzjoni ċ-Chief of Staff tal-PM, Keith Schembri, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri, u Nexia BT li fetħet il-kumpaniji sigrieti fil-Panama.
L-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia indubjament tefa’ dawl ġdid u se jaffettwa l-investigazzjoni tal-Ewroparlamentari.
Id-delegazzjoni hi magħmula minn żewġ gruppi, mill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (LIBE), u l-Kumitat li qed jinvestiga l-Panama Papers (PANA).
Dan tal-aħħar diġà ġie f’Malta f’missjoni simili fi Frar li għadda.
Dawn huma l-membri kollha tad-delegazzjoni, u l-partit fil-Parlament Ewropew li fih huma mseħbin:

  • Ana Gomes mill-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D), li se tkun qed tmexxi d-delegazzjoni
  • David Casa mill-Partit Popolari Ewropew (EPP)
  • Maria Grapini mill-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D)
  • Monica Macovei mill-Partit Ewropew tal-Konservazzjonisti u r-Riformisti (ECR)
  • Ivan  Jakovčića mill-Alleanza tal-Liberali u d-Demokratiċi (ALDE)
  • Takis Hadjigeorgiou mill-Grupp Konfederali tax-Xellugin (GUE)
  • Sven Giegold mill-Grupp tal-Ħodor (Greens/EFA)

Ara l-programm sħiħ ta' dal-jumejn bl-Ingliż minn hawn taħt.