Illum tibda l-Copa America

Illum tibda l-44 edizzjoni tal-Copa America, l-akbar kompetizzjoni għan-nazzjonijiet fl-Amerika ta’ Isfel, li din is-sena se tintlagħab fiċ-Ċili. Proprju dan il-pajjiż organizzatur, qed jittama li jirbaħ it-trofew għall-ewwel darba.
Huma mistennija 24 ġurnata ta’ futbol spettakolari hekk kif bosta stilel li mdorrijin insegwu fil-kampjonati Ewropej, fosthom Lionel Messi, Carlos Tevez, Neymar u James Rodriguez, se jkunu qed ifittxu li jixprunaw lil pajjiżhom lejn dan l-unur prestiġjuż.
Il-favoriti huma bla dubju l-Arġentina – finalisti fit-Tazza tad-Dinja s-sena li għaddiet u minkejja d-diżappunti riċenti, il-Brażil li jibqgħu dejjem waħda mill-aqwa forzi tal-futbol fid-dinja. Wieħed ma jistax jinsa liċ-ċampjins renjanti, l-Urugwaj kif ukoll il-Kolombja, li kienu rivelazzjoni kbira s-sena li għaddiet.
Il-logħob jibda llejla, biċ-Ċili’ jilqgħu lill-Ekwador.
F’din il-kompetizzjoni qed jieħdu sehem l-10 pajjiżi tal-Amerika t’Isfel flimkien mal-Ġamajka u l-Messiku, mistiedna tal-federazzjoni sudamerikana.