“Illum se jibda jopera impjant ta’ riċiklaġġ bla permess u studji neċessarji” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li mil-lum se jibda jopera impjant ta’ riċiklaġġ tad-demel tal-bhejjem fil-Munxar li huwa bla permess u lanqas sar studju dwar l-impatt ambjentali li jista’ jħalli.
Chris Said, kelliem tal-PN għal Għawdex, qal fi stqarrija li din id-demmiela tinsab qrib wisq tar-residenti, u kien għalhekk li dawn ipprotestaw.
Said irrimarka li l-kunsilliera Nazzjonalisti tal-lokalità talbu lill-kunsill biex jitlob lill-Qorti toħroġ mandat ta’ inibizzjoni fuq dan l-impjant, iżda l-kunsill m’għamilx dan.
Id-Deputat Għawdxi, David Stellini, tkellem ukoll meta qal li l-kunsilliera Laburisti jridu jerfgħu r-responsabbiltà jekk id-demmiela tibda topera, filwaqt li sostna li l-PN huwa kontra l-inħawi tad-demmiela, u mhux kontra li l-bdiewa tal-irziezet jiġu pprovduti b'impjant tat-trattament tal-iskart tal-annimali.
Min-naħa tiegħu, Toni Bezzina, il-kelliem tal-PN għall-biedja u s-sajd, qal li l-Gvern għandu jilħaq ftehim fit-tul mal-bdiewa tal-irziezet dwar it-trattament tal-iskart tal-annimali billi dan jitbiddel f'riżorsi alternattivi bħal fertilizzant organiku u enerġija rinnovabli u b'hekk jinħoloq sors ieħor ta' dħul għall-bdiewa.
Ritratt: Arkivji