L-istrajk tat-tobba “suċċess”; direttivi ġodda b’solidarjetà

L-istrajk tat-tobba li ġie ordnat mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) wara li skontha ma kienx hemm progress wara laqgħat li kellha mal-Gvern, ġie deskritt bħala "suċċess" mis-Segretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan. B'soliderjetà mal-MAM, il-UĦM Voice of the Workers ordnat direttivi għall-membri tagħha fid-dipartiment tal-patoloġija.
Skont il-Ministeru għas-Saħħa madwar 3,000 pazjent se jiġu affetwati mid-direttivi li ġew ordnati mill-MAM bi protesta kontra l-bejgħ tal-isptarijiet ta’ San Luqa, Karin Grech, u ta’ Għawdex lill-kumpanija Steward Healthcare.  
Ma' Newsbook.com.mt Martin Balzan qal li madwar tliet tobba ma kienux obdew id-direttivi, però kien kunfidenti li l-MAM tkun tista' tikkonvinċihom biex ibidlu l-fehma tagħhom. Qal li l-Gvern se jkun qed joffri li ssir laqgħa oħra għada. Qal li l-MAM se tkun qed tistenna l-eżitu ta' dawn il-laqgħat biex tiddeċiedi l-pass li jmiss. Madanakollu, qal li ma jistax jeskludi li ssir strajk oħra.
Dalgħodu, kelliem għall-UĦM qal ma' Newsbook.com.mt li l-unjin ordat direttivi ġodda f'solidarjetà mal-MAM. Dawn id-direttivi jinkludu ordnijiet biex il-membri tal-UĦM ma jipproċessawx kampjuni tad-demm li ma jkunux ta' natura urġenti. Żied jgħid li l-UĦM mhux qed teskludi li tordna direttivi oħra fil-futur. 
Ilbieraħ Dr Balzan kien ikkonferma li l-istrajk kien se jkun qed isir. Dan qalu laqgħa mal-Gvern li damet sagħtejn li fil-fehma tiegħu wriet li ma kiex hemm progress min-naħa tal-Gvern. F’kummenti mal-midja ftit wara l-laqgħa, Dr Balzan qal li l-ftehim dwar l-isptarijiet innifsu huwa l-problema u mhux il-kumpanija Steward Healthcare.
Huwa qal li l-Gvern ammetta li t-tobba għandhom raġun dwar il-prinċipju ta’ kif għandha taħdem is-sistema tal-kura f’Malta. Madanakollu, qal li fil-laqgħa l-Gvern allega li ma jistax isir ftehim ieħor abbażi ta’ dawn il-prinċipji.
Skont id-direttivi li nħarġu għat-tobba ta’ kull livell fl-isptar Mater Dei, ta’ Għawdex, u dak ta’ Karin Grech u fiċ-ċentri tas-saħħa, it-tobba m’għandhomx jaħdmu fid-dipartimenti tal-outpatients mit-08:00am sal-04:00pm. Din id-direttiva mhux se tapplika għall-clinics f’Sir Anthony Mamo u tal-Maternity.
Skont id-direttivi, appuntamenti ta’ rutina se jiġu kkanċellati u se jimxu għal data oħra. Madanakollu, kull każ urġenti se jiġi riferut lejn id-Dipartiment tal-Emerġenza.
Il-MAM qalet li mhux se jkun hemm direttivi għad-Dipartiment tal-Emerġenza jew għal acute wards oħrajn.
It-tobba taċ-ċentri tas-saħħa kollha f’Malta ġew ordnati biex għada bejn it-08:00am u t-08:00pm  jagħtu s-servizzi tagħhom miċ-ċentri tas-saħħa prinċipali biss – ta’ Raħal il-Ġdid, tal-Furjana, tal-Mosta, u tar-Rabat Għawdex. Is-servizzi tat-tobba li jagħmlu vista fid-djar se jiġu ristretti għal tabib wieħed għal kull ċentru tas-saħħa. Appuntamenti li mhumiex urġenti se jiġu posposti.
It-tobba lanqas mhu se jwieġbu telefonati jew imejls.
Il-MAM ħarġet ukoll direttivi għall-Foundation Doctors li jaffetwaw it-teħid tad-demm u xogħol amministrattiv.
Fuq RTK, Dr Martin Balzan, f’isem il-MAM qal li japprezza li l-istrajk joħloq inkonvenjent għall-pazjenti. Però, żied jgħid li inkonvenjent ta’ ġurnata joħloq ħafna inqas problema milli inkonvenjent li jista’ jinħoloq jekk l-isptarjiet imorru għand Steward Healthcare fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministeru għas-Saħħa qal li waqt il-laqgħa li saret, il-Ministeru offra numru ta’ soluzzjonijiet għall-kwistjonijiet li qed tqajjem il-unjin. Il-Ministeru qal li lest li jibqa’ jiddiskuti mal-MAM.