Illum possibbilment l-aħħar laqgħa tal-Kabinett qabel ir-reshuffle

Il-laqgħa tal-Kabinett tal-lum possibbilment se tkun l-aħħar waħda bil-ħatriet Ministerjali kif inhuma bħalissa.
Sorsi qrib Kastilja sostnew ma’ Newsbook.com.mt li fil-jiem li ġejjin il-Prim Ministru Joseph Muscat se jħabbar it-tibdil fil-Kabinett kif kien wiegħed.
L-istess sorsi sostnew li probabbli l-Prim Ministru se jħabbar dan it-tibdil nhar il-Ħamis li ġej, qabel il-ħatra tal-President il-ġdid, Marie Louise Coleiro Preca.
It-tibdil fil-Kabinett, speċjalment bil-vojt li se tħalli Coleiro Preca fil-Ministeru tagħha, se jġib tibdil sostanzjali fil-Ministri.
Fil-jiem li għaddew, is-sorsi f’Kastilja kienu sostnew ma’ Newsbook.com.mt, li l-Prim Ministru mistenni jinnomina lill-Ministru Edward Scicluna bħala l-Kummissarju Malti l-ġdid hekk kif jasal fit-tmiem it-terminu tal-Kummissarju Tonio Borg.
Kif diġa’ qal hu stess, mhux eskluż li l-Prim Ministru jieħu r-responsabbiltà tas-saħħa biex jidħol fis-seħħ ir-rapport tal-konsulent tal-Gvern John Dalli.