Aġġornata (2): Pistorius jibqa’ fuq libertà proviżorja sakemm tingħata s-sentenza

L-atleta ta' 27 sena, Oscar Pistorius, instab ħati li qatel bi żball lill-maħbuba tiegħu Reeva Steenkamp.
Waqt li qed taqra s-sentenza, l-imħallef spjegat li l-atleta aġixxa b'mod traskurat meta spara minn wara l-bieb tal-kamra tal-banju "għax ġenwinament ħaseb li xi ħadd kien daħallu d-dar."
L-imħallef iddeċidiet li Pistorius jibqa' fuq libertà proviżorja sakemm tinqata' s-sentenza fit-13 t'Ottubru li ġej.
L-atleta issa jista' jeħel sa massimu ta' 15-il sena ħabs għalkemm esperti qed jgħidu li mistenni jintbgħat 10 snin.
Aktar Kmieni:

L-imħallef, fil-każ ta' Oscar Pistorius, mistennija taqra l-bqija tas-sentenza li biha l-atleta jista’ jkun akkużat bi qtil involontarju tal-maħbuba tiegħu.
Ilbieraħ l-imħallef ma sabitx lil Pistorius ħati li ppjana minn qabel biex joqtol lil Reeva Steenkamp. Din kienet l-agħar akkuża li kien hemm fil-konfront tal-atleta ta’ 27 sena.
Minkejja dan huwa xorta għadu jista’ jinstab ħati b’omiċidju involontarju.
Waqt li bdiet taqra s-sentenza, l-imħallef qalet li l-aġir ta’ Pistorius, fil-lejl ta’ San Valentino tas-sena li għaddiet, kien frott ta’ traskuraġni.
Pistorius kien ammetta li spara minn wara l-bieb tal-kamra tal-banju wara li ħaseb li xi ħadd kien daħal id-dar. Iżda, wara l-bieb ma kien hemm ħadd ħlief l-għarusa tiegħu.
L-imħallef għalhekk qalet li għalkemm ma setax ikun jaf minn kien hemm wara l-bieb, l-aġir tiegħu kien mgħaġġel u frott ta’ traskuraġni.