‘Illum nintrefgħu mill-umiljazzjoni tagħna li hi mistħoqqa’ – l-Arċisqof

Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna spjega li llum għandna “nħarsu lejn Marija Omm Alla biex nintrefgħu mill-umilijazzjoni”. Waqt quddiesa ċċelebrata lejliet il-festa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema fil-Katridal ta’ San Pawl l-Imdina, l-Arċisqof stqarr li għada se jiġi ċċelebrat l-għid tal-Madonna.

Mons. Scicluna spjega li ħafna drabi wieħed ikollu jaffaċċja d-dnub, id-difetti, in-nuqqasijiet u l-mard tiegħu. Żied jgħid li meta wieħed ikun waħdu quddiem il-mera tal-verità dawn l-affarijiet iniggżu u jumiljaw. Huwa spjega kif fil-festa tal-għid tal-Madonna wieħed iħares lejn Marija biex jintrefa’ mill-umiljazzjoni li hi mistħoqqa u b’hekk il-qalb tal-persuna timtela bit-tama.

L-Arċisqof spjega li n-niggieża tal-mewt tfakkarna li l-bnedmin qegħdin hawn għal erbat ijiem u mhux għal dejjem. Huwa sostna li l-mewt hi waħda miż-żewġ affarijiet żgur fil-ħajja. Mons. Scicluna qal li “illum inħarsu lejn il-Madonna li qed tiftħilna tieqa fuq l-eternità”.

L-Arċisqof spjega li l-irxoxt tal-Madonna, huwa differenti mill-irxoxt ta’ Ġesù, hekk kif l-irxoxt tal-iben huwa bil-qawwa tiegħu stess filwaqt li tal-Madonna huwa bil-qawwa tal-iben. Saħaq li d-differenza li teżisti bejn it-tnejn hi li Ġesù huwa iben Alla filwaqt li hi Omm Alla, li kienet magħżula minn Alla biex ikollha l-istess destin.