“Illum ninsab seren ħafna” – Muscat

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat stqarr li “llum qiegħed seren ħafna, jiġu n-nies jagħmluli kuraġġ u nispiċċa nagħmlilhom kuraġġ jien”. Ilbieraħ filgħaxija Dr Muscat indirizza lin-nazzjon b’messaġġ televiżiv fejn ikkonferma l-aħbar ta’ Newsbook.com.mt li se jirriżenja f’Jannar.

Waqt intervista fuq One Radio, Dr Muscat qal li l-pajjiż għandu bżonn stabbilità. Fisser kif fl-aħħar erbat ijiem, “il-pajjiż waqaf jistenna x’se jiġri” u għaldaqstant sostna li kien hemm bżonn li wieħed jagħti sinjal li mexjin ‘il quddiem. Fix-xahar li fadal qabel jirriżenja, Muscat qal li se jara li l-Gvern jibqa’ jimxi ‘l quddiem, bix-xogħol ta’ quddiem. Saħaq iżda li mbagħad id-deċiżjonijiet il-kbar jeħodhom min se jkun il-Prim Ministru.

Dr Joseph Muscat saħaq li “jekk kien hemm deċiżjoni ħażina minn naħa tiegħi, irrid nerfa’ r-responsabbiltà politika”. Sostna li uża l-kejl tiegħu fuqu stess. Fisser li anke jekk deċiżjonijiet ħżiena ttieħdu minn dawk qrib tiegħu, xorta hu responsabbli. “Għamilna nuqqasijiet ukoll u nitgħabba bihom jien, biex min jiġi warajja jibda paġna ġdida. Jekk hux tiegħi jew ta’ ħaddieħor irrelevanti”, kompla jgħid.

Qal ukoll li fl-aħħar ħames ġimgħat li fadallu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, jippjana li jmur f’numru ta’ lokalitajiet “biex niltaqa’ man-nies, nagħmlu kuraġġ lil xulxin, ngħannqu lil xulxin”. Irringrazzja lil kulħadd għall-imħabba lejh.

Reġa’ spjega l-proċess biex jintgħażel mexxej ġdid, u wiegħed li mhux se jimbotta kandidat minn ieħor, “imma nara li l-affarijiet isiru b’mod imparzjali”.

Dwar il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru qal li dan il-każ joqgħod ma’ żewġ każijiet oħra li wkoll regħdu l-pajjiż: Ta’ Karin Grech u ta’ Raymond Caruana. Saħaq li qatt ma saret ġustizzja mal-familji Grech u Caruana u li determinat li l-każ “jingħalaq under my watch”. Reġa’ tenna li ma jemminx li Prim Ministru għandu jagħmel iżjed minn żewġ leġiżlaturi. “Waħda mill-affarijiet li żammitni milli nirriżenja qabel, kien propju li xtaqt li dan il-każ jingħalaq taħti”, kompla jgħid.

Joseph Muscat stqarr li hu jħares ‘il quddiem għal ħajja ġdida, aktar distakkata mill-politika.