Filmat: Zammit Dimech jirbaħ is-siġġu ta’ Comodini Cachia

16:05 Francis Zammit Dimech rebaħ is-siġġu ta’ Therese Comodini Cachia fil-Parlament Ewropew.
Dan wara li saret l-elezzjoni każwali biex jimtela’ s-siġġu ta’ Therese Comodini Cachia li rriżenjat wara li telgħet fil-Parlament Malti.
Ma’ Newsbook.com.mt Francis Zammit Dimech qal li se jħares lejn il-kariga l-ġdida tiegħu bl-iżjed impenn u determinazzjoni li kellu tul il-ħajja politiku. Saħaq li l-Parlament Ewropew huwa tal-poplu Malti għax il-Maltin huma rappreżentati fih. Qal li fis-servizz tiegħu jibqa’ leali lejn il-Maltin.
Dr Zammit Dimech kien qed jikkontesta ma’ Ray Bugeja, Kevin Cutajar, Helga Ellul, Jonathan Shaw u Norman Vella.
Hekk kif Dr Comodini Cachia kienet kisbet madwar 29,000 vot il-kwota kienet ta’ 14,790.
Wara l-ewwel għadd ġie eliminat Jonathan Shaw li kellu 2,245 vot. Francis Zammit Dimech wiret 10,718-il vot, isegwih Norman Vella b’5,557 vot, Raay Bugeja b’4,635,Kevin Cutajar b’3,154 u Helga Ellul b’2,857.
Mat-tieni għadd ġiet eliminata Helga Ellul u fit-tielet għadd ġie eliminat Kevin Cutajar.
Mar-raba’ għadd ġie eliminat Ray Bugeja biex fil-ħames għadd tela’ Dr Zammit Dimech, b’15,455 vot.
Aktar kmieni:
Hekk kif bdew jingħadu l-voti kelliem għall-Partit Nazzjonalista spjega ma' Newsbook.com.mt li għaddej is-sorting tal-ewwel għadd ta' Therese Comodini Cachia. Spjega li hemm madwar 29,000 vot. Qal li f'każ li wieħed mill-kandidati jilħaq il-kwota, li  hija ta' madwwar 14,000 (nofs il-voti ta' Dr Comodini Cachia) jiġi elett.Żied jgħid li jekk ħadd ma jilħaq il-kwota jaqa' l-kandidat li jkollu lanqas voti.