L-Arċisqof jirċievi l-‘pallium’ minn id il-Papa iżda jilbsu l-ewwel darba Malta

Illum l-Arċisqof Charles Scicluna se jirċievi l-pallium, mingħand il-Papa Franġisku, simbolu tal-għaqda bejn l-Arċisqof u s-suċċessur ta’ San Pietru fit-tmexxija tal-Poplu t’Alla.
Is-soltu jkun il-Papa stess li jlibbes il-pallium lill-Arċisqfijiet il-ġodda waqt il-Quddiesa solenni ta’ San Pietru u San Pawl fil-Vatikan. Din is-sena, l-pallium se jingħata privatament mill-Papa Franġisku lill-Arċisqfijiet biex imbagħad jitlibbes pubblikament lill-Arċisqof fid-Djoċesi tiegħu.
Kienet ix-xewqa tal-Papa Franġisku li din il-funzjoni ssir fl-Arċidjoċesijiet rispettivi, bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-Knisja tal-post f’xi ħaġa li tgħaqqadha mal-Knisja universali.
Il-pallium ikun magħmul minn suf tan-nagħaġ li jitbierku mill-Papa stess fil-Festa ta’ Sant’ Anjeże. Matul il-Quddiesa solenni tal-lum, il-pallium tal-Arċisqfijiet jitpoġġew fuq il-qabar ta’ San Pietru.
Dan is-simbolu jintlibes fuq l-ispallejn tal-Arċisqof. Dan ikollu żewġ pendenti quddiem u wara. Fuqu jkun hemm irrakmati sitt slaleb suwed.
Id-dettalji tal-funzjoni li fiha n-Nunzju Appostoliku l-ġdid, Mons Roberto Cassari, se jlibbes il-pallium lill-Arċisqof Scicluna se jitħabbru aktar ‘il quddiem.