Illum jum ta’ riflessjoni … jinġabru iktar dokumenti tal-votazzjoni

Wara disa’ ġimgħat ta’ kampanja elettorali, illum hu l-jum ta’ riflessjoni. Jum li matulu ma jistgħux isiru attivitajiet u kummenti politiċi. Dan biex kulħadd ikun jista’ jirrifletti mingħajr ma jkollu pressjoni dwar l-għażla ta’ votazzjoni.

Il-persuni eleġibbli jivvutaw kellhom ċans sa’ nofsillejl li jgħaddha biex jiġbru d-dokument tal-votazzjoni.

L-aħħar ċifri juru li kien hemm 6,523 dokument tal-vot li baqa’ ma nġabarx. B’kollox huma eleġibbli jivvutaw 333, 006 persuna, kif jidher fl-aħħar reġistru elettorali.

Nhar it-Tnejn u t-Tlieta mill-Uffiċju Elettorali fil-Belt, inġabru 1,864 dokument tal-vot.

Għall-votazzjoni tal-elezzjoni ġenerali u l-kunsilli lokali, fil-postijiet ta’ votazzjoni, b’kollox se jkun hemm 4,850 assistent kummissarju. Fl-għadd tal-voti fin-Naxxar, se jkun hemm 1,293 persuna.

F’din l-elezzjoni ġenerali qed jikkontestaw 269 kandidat u li minnhom iridu jiġu eletti 65 deputat fil-Parlament.

L-ewwel li vvutaw kienu dawk il-persuni li għada inzertaw se jkunu msiefra. Il-pazjenti f’Mater Dei, f’Karen Grech, fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, f’Monte carmeli u f’San Vincenz de Paul se jivvutaw fl-istparijiet illum stess.

Illum se jivvutaw ukoll il-persuni kollha li b’xi mod huma involuti fil-proċess elettorali bħall-Assistenti Kummissjonarji u l-Pulizija.

Għada, il-postijiet tal-votazzjoni jiftħu fis-7 ta’ filgħodu u jgħalqu fl-10 ta’ filgħaxija.