Illum joħorġu r-riżultati tas-SEC

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Bord tal-Eżamijiet tal-MATSEC ikkonferma li r-riżultati tal-livell SEC se jibdew jintbagħtu mil-lum.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-Bord qal li ħadmu ma’ esperti tas-suġġetti varji tal-iskejjel tal-istat, tal-Knisja, u dawk indipendenti flimkien ma’ msieħba oħra biex jipprovdu r-riżultat tas-SEC lill-istudenti li ma setgħux jagħmlu l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-Bord tal-MATSEC qal li r-riżultati ta’ din is-sena se jiġu rrappurtati bħala ‘Level 3 jew Level 2 jew Not Awarded’ minflok ‘Grades 1-7 jew U’. Spjega li r-riżultat tas-SEC ta’ din is-sena se jkun bħal dawk tas-snin ta’ qabel – wieħed ma jkunx jista’ jagħraf wieħed mill-ieħor.

Intqal li dawk l-istudenti li jħossu li r-riżultat li akkwistaw ma jirriflettix il-prestazzjoni tagħhom se jkollhom l-għażla li jagħmlu l-eżamijiet f’Settembru 2020. Ir-reġistrazzjonijiet għall-eżamijiet tas-SEC jinfetħu fis-17 ta’ Lulju.