Minorenni tixhed fil-magħluq fil-każ ta’ Erin Tanti

Hekk kif illum kompliet tinstema' l-kumpilazzjoni ta' evidenza fil-każ ta' Erin Tanti, il-Qorti laqgħet it-talba biex il-persuna li għandha tixhed illum li hija minuri, issir fil-magħluq. 
Erin Tanti, l-għalliem ta' 23 sena jinsab akkużat bil-qtil tat-tfajla Lisa Maria Zahra, li ttellgħet mejta mill-irdum ta' Ħad-Dingli fid-19 ta' Marzu li għadda.
Tanti qed jiġi akkużat b'sitt kapi ta' akkuża fosthom li qatel lil Lisa Maria u li poġġielha ħajjitha fil-periklu bil-konsegwenza li waslet għal mewt tagħha. Kien akkużat ukoll li kellu relazzjoni sesswali ma’ tfajla taħt l-età u li ħa vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu ta’ għalliem.
Talba biex jitniżżlu d-dettalji mill-profil ta' Ask.FM ta' Lisa Maria Zahra
L-Avukat Difensur Michael Schriha talab biex jitniżżlu u jiġu ppreżentati l-konverżazzjonijiet li kien hemm fuq il-profil ta’ Lisa Maria Zahra fuq is-sit Ask.FM. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx u l-Qorti se testendi l-inkarigu tal-espert Stephen Farrugia Sacco biex jiġbor din l-informazzjoni mill-bidu ta' Awwissu 2013 sa nofs Marzu li għadda.  Il-konverżazzjonijiet ta’ Lisa Maria fuq Ask.fm tneħħew eżatt wara mewtha.
Erin Tanti jiddaħħal fl-awla 20 minuta tard
Erin Tanti ddaħħal fl-awla tal-Qorti 20 minuta tard. Il-Maġistrat Audrey Demicoli staqsiet min kien responsabbli li jeskortah fl-awla. Il-Gwardjan tal-ħabs wieġeb li ma kellux min iwasslu qabel. 
Tinstema' x-xhieda fil-magħluq ta' tfajla minuri
Hekk kif wasal il-ħin li tixhed persuna minorenni, l-avukati tal-familja Zahra, talbu li din tixhed fil-magħluq. Għall-ewwel il-Qorti ċaħdet it-talba tagħhom, madanakollu ordnat li isem il-persuna ma jixxandarx. Aktar tard il-Maġistrat aċċettat it-talba. Is-smigħ sar permezz ta’ video-conferencing, waqt li fl-awla tħallew biss l-akkużat, l-avukati u l-pulizija. Hemm possibiltà li t-tfajla li xehdet hija ħabiba ta' Lisa Maria Zahra.
Jixhdu żewġ psikjatri
Wara x-xhieda tal-minorenni, il-ġurnalisti u l-membri tal-pubbliku reġgħu tħallew jidħlu fl-awla fejn xehdu żewġ psikjatri. Dr Leanne Camilleri qalet li l-akkużat kien jidher fi stat tajjeb u kien kapaċi jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-pulizija, meta dawn marru jinterrogawh fl-Isptar Monte Karmeli.
Min-naħa tiegħu, il-psikjatra Dr Anton Grech qal li f’dan l-istadju mhux se jixhed minħabba s-sigriet professjonali u jagħmel dan biss wara li jkollu l-permess. L-Avukat Difensur oġġezzjona u talab li jara r-rapport qabel ma’ Dr Grech jitħalla jixhed dwar Erin Tanti. 
Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema' f'Awwissu
Il-kumpilazzjoni ġiet diferita għall-14 ta' Awwissu fl-10.30 am.