It-tieni akkużat bil-qtil doppju wkoll iwieġeb mhux ħati

Aġġornat 07:19 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Illum tressaq il-Qorti t-tieni raġel b’rabta mal-qtil ta’ koppja fid-dar tagħhom f’Tas-Sliema fit-18 ta’ Awwissu. Ir-raġel ta’ 36 sena mill-Maċedonja wieġeb mhux ħati tal-akkużi li nġiebu kontrih, iżda baqa’ jinżamm arrestat.

It-tabib Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Maciejowski ta’ 30 sena nqatlu kiesaħ u biered fid-dar fi Triq Locker fit-18 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-10.15pm. Is-suspettat ewlieni ġie arrestat nhar it-Tlieta f’rejd drammatiku fil-Furjana.

Fil-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Victor Axiak, ir-raġel kien akkużat bil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski, b’serq, estorsjoni, pussess ta’ arma waqt li kienet qed titwettaq offiża, li kien fil-pussess ta’ oġġetti misruqa, serq ta’ vettura u tibdil ta’ pjanċi misruqa.

L-Ispettur James Grech qal li l-pulizija arrestat lis-suspettat wara li kien identifikat minn filmati tas-CCTV. Ħareġ li f’dawn il-filmati, jidhru tliet persuni li wettqu d-delitt. Sostna li minn informazzjoni li waslitilha l-Pulizija, wieħed mill-irġiel kien identifikat li kien l-akkużat.

Ir-raġel kien arrestat tard l-Erbgħa filgħaxija, għall-ħabta tal-11pm il-Pulizija mis-sezzjoni tar-Reati Maġġuri.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kellha informazzjoni li persuna involuta f’dan id-delitt kien qed jistaħba ġewwa lukanda fil-Gżira. Wara ħin fuq il-post isegwu l-movimenti tiegħu, il-post ġie ċċirkondat u bdiet l-operazzjoni. Malli r-raġel induna bil-preżenza tal-Pulizija huwa pprova jaħrab iżda kien arrestat immedjatament.

Hu se jkun qed jitressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak għall-ħabta tal-10.45am illum.

L-ewwel raġel arrestat jitressaq il-Qorti lbieraħ

Ilbieraħ il-Qorti ordnat li jinżamm arrestat iż-żagħżugħ ta’ 25 sena li qed jiġi akkużat bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski fid-dar tagħhom f’Tas-Sliema. Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati.

It-tabib Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Maciejowski ta’ 30 sena nqatlu kiesaħ u biered fid-dar fi Triq Locker fit-18 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-10.15pm. Is-suspettat ewlieni ġie arrestat nhar it-Tlieta f’rejd drammatiku fil-Furjana.

Iż-żagħżugħ ta’ 25 sena, mill-Albanija u joqgħod il-Furjana, ġie mixli li żamm u li qatel liż-żewġt irġiel, li seraq b’ammont li jaqbeż l-€2,300, talli ġarr arma u munizzjon mingħajr liċenzja, li xtara karozza misruqa, li seraq żewġ settijiet ta’ pjanċi tal-karozzi, li uża vettura bi pjanċi misruqa u li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Id-difiża m’għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest iżda talbet li jsirlu assessjar psikjatriku u jingħata l-għajnuna li għandu bżonn. L-akkużat, li kien liebes flokk abjad, xorts griż u karkur, qal lill-Qorti li hu kien jaħsel il-karozzi imma qatt ma rnexxielu jżomm impjieg.