Iwieġeb mhux ħati bil-qtil ta’ Chantelle Chetcuti

Read in English.

Raġel ta’ 33 sena minn Ħal Safi tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea akkużat b’omiċidju, fost oħrajn. Hu wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

L-akkużat deher fil-qorti liebes suit u kellu faxxa ma’ subgħajh iż-żgħir tax-xellug.

Hu ġie akkużat bl-omiċidju ta’ Chantelle Chetcuti, li kienet l-eks sieħba tiegħu u omm iż-żewġ uliedu, kif ukoll b’pussess ta’ droga. Il-każ seħħ il-Ħadd għall-ħabta tat-8pm fi Triq il-Kbira f’Ħaż Żabbar.

Ir-raġel ġie akkużat ukoll li kien qed iġorr sikkinna waqt li kienet qed titwettaw kriminalità kontra persuna oħra, li kien qed iġorr sikkina mingħajr il-permessi meħtieġa, li kien fil-pussess tad-droga kokaina u li kiser il-paċi pubblika.

Chetcuti sofriet minn diversi daqqiet ta’ sikkina fin-naħa ta’ fuq ta’ ġisimha u darba f’nagħsa u tħalliet mitlufa minn sensiha mal-art għal xi ħin wara l-attakk.

L-akkużat radd ruħu lill-Pulizija wara l-attakk. Hu kien miksi bid-demm u kellu xi ġrieħi li ġie trattat għalihom qabel ma ġie interrogat. Il-Pulizija sabet id-droga fuq l-akkużat meta għamlet it-tfittxijiet fuqu.

L-avukat tad-difiża Franco Debono talab lill-Qorti sabiex taħtar espert psikjatriku biex jeżamina lill-akkużat. Il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx din it-talba. Il-Qorti talbet lil Dr Anton Grech sabiex ikun l-espert psikjatriku fil-każ.

Id-difiża ma għamlet l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.

L-avukati tad-difiża kienu Franco Debono u Marion Camilleri. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra.

Aktar kmieni…

Chetcuti mietet, wara 24 siegħa tissielet għal ħajjitha. Nhar il-Ħadd filgħaxija hi qalgħet daqqa ta’ sikkina f’rasha. L-argument seħħ fi Triq il-Kbira f’Ħaż-Żabbar għall-ħabta tat-8.15pm, fejn għamlet ħin mitlufa minn sensiha fuq bankina.

L-argument seħħ fi stabbiliment bejn il-mara u raġel ta’ 33 sena minn Ħal Safi wkoll.

L-aggressur ħarab minn fuq il-post, iżda mar għand il-Pulizija biex jammetti dak li għamel iżjed tard. Huwa kien mimli dmija u b’xi feriti f’idu. Ir-raġel qed jinżamm arrestat. Saret tfittxija fuqu fejn instabet sustanza illegali, suspettata droga.