Illum jitħabbru l-proposti dwar id-dikriminalizzazzjoni tad-droga

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici llum waranofsinhar mistenni jħabbar id-dettalji tal-White Paper dwar id-dikriminilizzazzjoni tad-droga.
Jirriżulta li l-White Paper se tkun qed tipproponi li persuni li jinqabdu bid-droga bħall-ecstasy, eroina jew kokaina għall-użu personali mhux se jkunu stmati ta’ kriminali.
Dawk li jinqabdu b’ammont żgħir ta’ kannabis se jkunu qed jitressqu quddiem kummissarju mqabbad apposta biex jagħti twissijiet u multi.
Persuni li jinqabdu għall-ewwel darba bi ftit droga mhux se jintbagħtu l-ħabs iżda minflok se jingħataw l-għajnuna biex joħoġu minn dan il-vizzju. Bord magħmul minn maġistrati rtirati, social workers u pulizija fost l-oħrajn, se jiddeċiedi jekk il-persuna għandhiex titpoġġa taħt kundizzjonijiet stretti bħal xogħol fil-komunità u rijabilitazzjoni.
L-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna kellu kummenti iebsa dwar din il-White Paper hekk kif fil-jiem li għaddew sfida lill-politiċi biex jiċħdu li bil-liġi tad-dekriminalizzazzjoni tad-droga se jkunu qed jaqdu lill-barunijiet u t-traffikanti.
Il-proposti tal-White Paper se jkunu qiegħdin fuq il-mejda tad-diskussjoni għal dawn ix-xahrejn li ġejjin biex imbagħad jiġu mressqa quddiem il-Parlament wara l-vaganzi tas-Sajf.