Filmat: Gavin Gulia elett fuq is-7 distrett

Aġġornat 08:56 PM

Read in English.

Gavin Gulia ġie elett fuq is-seba’ distrett peress li llum saret l-elezzjoni każwali għas-siġġu parlamentari imbattal mill-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

L-għadd tal-voti beda fit-8.30am fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar. It-tliet kandidati għall-elezzjoni kienu Charles Azzopardi, Gavin Gulia u Jeffrey Pullicino Orlando.

Charles Azzopardi ġie eliminat u t-tellieqa mbagħad kienet bejn Jeffrey Pullicino Orlando u Gavin Gulia, billi fl-ewwel għadd kien hemm seba’ voti biss differenza bejniethom.

Fl-aħħar spiċċaw b’2,216-il vot għal Gulia u 1,750 vot għal Pullicino Orlando.

Il-Partit Laburista feraħ lill-Avukat Gavin Gulia, li serva fil-Parlament Malti bħala Deputat Laburista, kemm bħala Segretarju Parlamentari u anke bħala Ministru għall-Ġustizzja. Huwa baqa’ jservi bħala Deputat Laburista sal-2013.

Il-Partit Laburista rringrazzja wkoll lil Jeffrey Pullicino Orlando u Charles Azzopardi.

L-aġġornamenti minuta b’minuta

12:29 Fl-ewwel kummenti tiegħu lill-ġurnalisti, Dr Gulia qal li jinsab sodisfatt ħafna li reġa’ ġie elett fil-Parlament. Qal li jaf x’inhuwa xogħlu billi kien diġà għamel 17-il sena bħala Membru Parlamentari. Huwa rringrazzja lill-kostitwenti.

Indika wkoll li beħsiebu jċedi l-pożizzjoni tiegħu bħala Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

12:27 Gavin Gulia rebaħ l-elezzjoni b’2,216-il vot, filwaqt li Jeffrey Pullicino Orlando kiseb 1,750 vot.

Miguela Xuereb

12:19 Gavin Gulia jirbaħ l-elezzjoni każwali.

LIVE: Jitħabbar ir-rebbieħ tal-elezzjoni każwali fuq is-seba' distrett.

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, January 12, 2021

12:05 Bħalissa qed jingħaddu l-voti ta’ Charles Azzopardi sabiex dawn jinqasmu bejn iż-żewġ kontestanti li fadal. Jeffrey Pullicino Orlando għadu ma ntlemaħx in-Naxxar.

11:55 Jasal Gavin Gulia n-Naxxar.

11:42 Charles Azzopardi uffiċjalment eliminat.

11:37 Se jerġgħu jingħaddu l-voti li kisbu Gavin Gulia u Jeffrey Pullicino Orlando.

11:35 Jeffrey Pullicino Orlando kiseb 1,479 vot fl-ewwel għadd, seba’ voti biss inqas minn Gavin Gulia.

Miguela Xuereb

11:22 Gavin Gulia kiseb 1,486 vot fl-ewwel għadd.

voti Gavin Gulia
Miguela Xuereb

11:14 Charles Azzopardi kiseb 1,028 vot fl-ewwel għadd.

Charles Azzopardi voti
Miguela Xuereb

11:08 Għalhekk it-tellieqa issa hija bejn Gavin Gulia u Jeffrey Pullicino Orlando. Min minnhom jitla’ jingħaqad mal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista.

Gavin Gulia preżentement huwa ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Photo: Facebook

Jeffrey Pullicino Orlando huwa ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Huwa qabel kien Membru Parlamentari Nazzjonalista.

Jeffrey Pullicino Orlando

11:03 Charles Azzopardi jidher li telaq mill-Kumpless fin-Naxxar wara li ġie eliminat mit-tellieqa għas-siġġu fuq is-seba’ distrett. Prof. Arnold Cassola telaq ukoll.

10:49 Jidher li l-kandidat indipendenti Arnold Cassola qed jgħin lill-kandidat Charles Azzopardi, wieħed mit-tliet kandidati f’din l-elezzjoni.

10:48 Ħarsa lejn kif ġew imqassmin il-voti. Jidher li Gavin Gulia u Jeffrey Pullicino Orlando qegħdin fuq quddiem.

voti
Miguela XuerebNaraw il-voti

10:39 Mumenti ta’ tensjoni u ansjetà fil-Kumpless fin-Naxxar.

10:30 Il-voti ġew ikkategorizzati u issa se jibda l-għadd propju. Il-kwota li trid tintlaħaq hi ta’ 4,147 vot.

09:42 L-għadd tal-voti f’pandemija jirrikjedi d-distanza soċjali, l-użu tal-maskri u tas-sanitiser tal-idejn.

09:40 Ritratti tad-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI) min-Naxxar.

Bħalissa għaddejja l-Elezzjoni Każwali fis-Seba’ Distrett Elettorali biex jimtela l-post ta’ Membru Parlamentari wara…

Posted by Department of Information (Malta) on Tuesday, January 12, 2021

09:20 L-istennija tkompli. Għadna ma lmaħniex lil Gavin Gulia u lil Jeffrey Pullicino Orlando n-Naxxar, iżda Charles Azzopardi jinsab fil-Kumpless.

09:16 Infakkrukom li r-raġuni għal din l-elezzjoni każwali hija s-siġġu mbattal minn Edward Scicluna meta dan irriżenja minn Ministru tal-Finanzi u minn Membru Parlamentari sabiex jilħaq Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

08:55 Il-kandidat Charles Azzopardi ntlemaħ fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti wkoll, isegwi l-andament tal-għadd tal-voti b’entużjażmu.

08:51 Preżenti fin-Naxxar hemm il-Ministru għall-Familja Michael Falzon u anke l-kandidat indipendenti Arnold Cassola.

08:42 Nagħtu ħarsa lejn il-voti miksuba mit-tliet kandidati fl-elezzjoni tal-2017.

Charles Azzopardi spiċċa minn ta’ quddiem b’2,179 vot. Gavin Gulia segwieh b’1,569 vot, filwaqt li Jeffrey Pullicino Orlando kellu 1,040 vot.

Gavin Gulia Jeffrey Pullicino Orlando Charles Azzopardi Parlament

08:41 L-għodwa t-tajba. Newsbook.com.mt se jkun qed jaġġornakom bl-aħħar żviluppi min-Naxxar.

Din l-elezzjoni tqieset li tista’ tkun problematika għall-Partit Laburista billi l-eks Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi ma kienx tħalla jikkontesta l-elezzjonijiet lokali tal-2019 f’isem il-PL, minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni meta kien Sindku. 

Il-ġimgħa li għaddiet ġie żvelat li huwa tesserat mal-Partit Nazzjonalista.

Nhar il-Ħadd il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li hu jemmen li jekk persuna titla’ b’voti Laburisti, għandha tkun man-naħa Laburista. Żied jgħid, iżda, li jekk Azzopardi jkun elett u jħossu skomdu man-naħa Laburista, huwa beħsiebu jilqgħu fl-Oppożizzjoni bħala kandidat indipendenti.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn