Illum jitħabbar il-kabinett ġdid

Aktar tard illum mistenni jitħabbar il-kabinett ġdid immexxi mill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat.

Rapporti fil-midja lokali jsostnu li dan se jkun kabinett relattivament kbir, b’Dr Joseph Muscat jgħid li l-ispiża ta’ dan il-kabinett se tkun fl-istess livelli ta’ dawk tal-ex Prim Ministru Dr Eddie Fenech Adami.

Il-ġurnali jsostnu kif Karmenu Vella u Evarist Bartolo se jkollhom l-istess ministeri li kellhom taħt l-amministrazzjoni Laburista tal-1996 taħt Dr Alfred Sant, iġifieri it-turiżmu u l-edukazzjoni rispettivament.

Skond dawn il-ġurnali, l-istess jingħad għal George Vella jinsab favorit li jkun il-ministru għall-Affarijiet Barranin filwaqt li l-Professur Edward Scicluna jkun il-ministru tal-finanzi.

Għadu mhux magħruf jekk il-pjani ta’ Dr Muscat kellhomx jinbiddlu wara li diversi kandidati prominenti ma rnexxielhomx jiġu eletti, kif ukoll wara talba tal-PN li jerġa jkun hemm għadd tal-voti ta’ żewġ distretti.