Illum jitfakkar il-100 sena mit-twelid ta’ Charles Clews

Kien bħal-lum 100 sena ilu, nhar is-27 ta’ Settembru 1919, li twieled Charles Clews, wieħed mill-aqwa komiċi ta’ kull żmien li qatt kellna f’pajjiżna. Għal din l-okkażjoni llejla TVM se jkun qed jerġa’ jxandar il-programm Biografiji fid-8.50pm u aktar tard fuq TVM 2 fl-10.05pm.

Fil-programm tal-lejla, b’kitba u produzzjoni ta’ Joe Julian Farrugia għall-WE, se jitkellmu persuni qrib Clews fosthom ibnu Alan, it-tifla Irene Bondin, it-tifel iż-żgħir Kevin, iz-ziju tiegħu Henry Schembri, Joe Farrugia Id-Dulli, Frans Said, Frans Ripard, Terry L. Bencini, Narcy Calamatta u Hermann Bonaci. Jitkellem ukoll Clive Perini, li jaqsam kurżitajiet u tifkiriet dwar nannuh Charles Clews.

Imwieled l-Isla, Clews baqa’ msemmi’ għall-umoriżmu tiegħu u tul il-karriera tiegħu kiteb  għadd ta’ novelli, poeżiji, makjetti u anki kotba.

Fost dawn insibu Bis Bis Bis flimkien mas-Surmast Mike Cassar u l-komiku Johnny Catania, kif ukoll l-Almanakk Ċajtier u tmien kotba ta’ Ejjew Nidħku Ftit. Kien ukoll ħareġ CD bl-isem Tiftakruhom.

Ippreżenta wkoll bosta programmi fuq it-televiżjoni, fosthom il-programm O’ Żmien Ħelu.

Fost il-ħafna kitbiet ta’ suċċess bla dubju tibqa’ tissemma’ l-kummiedja It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla.

Clews kien twieled fl-Isla. Iżżewweġ fl-1943 u kellu 8 ulied.

Miet nhar id-29 ta’ Jannar 2009.