Illum jiskadi ż-żmien għall-Gvern Sirjan

Il-bord li qed jeżamina l-armamenti kimiċi tas-Sirja qal li qed joqrob lejn tmiem l-analiżi tiegħu b’rabta mad-dettalji li ngħataw mill-gvern Sirjan.

Intqal li l-gvern Sirjan diġà għadda xi dettalji dwar l-armamenti u fejn dawn jinżammu, iżda jidher li dan il-bord qed jistenna aktar dettalji. Sal-lejla il-gvern Sirjan irid ikun għadda l-informazzjoni kollha dwar l-armamenti kif mitluba minn dan il-bord.

Dan wara li aktar kmieni s-Sirja kienet qablet li tipprovdi lista sħiħa tal-armamenti kimiċi tagħha sal-lum is-Sibt. Huwa maħsub li s-Sirja għandha madwar elf tunnellata ta’ armamenti kimiċi. Skont ftehim flimkien mar-Russja u mal-Istati Uniti, is-Sirja għandha teqred l-armamenti kimiċi tagħha kollha sa nofs is-sena d-dieħla.