Illum jintagħżel min se jkun il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista

Read in English.

Propju llum, it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista, se jkunu qed jagħżlu min se jkun qed imexxi l-partit bħala Kap. It-tesserati ngħataw l-għażla bejn il-kap kurrenti Adrian Delia jew inkella Bernard Grech.

Matul il-perjodu tal-elezzjoni bikrija ivvutaw total ta’ 76% tat-tesserati. Dan tħabbar permezz ta’ aġġornamenti regolari mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN. In-numru ta’ tesserati eleġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 21,499.

Minħabba l-pandemija, id-deputat mexxej Robert Arrigo kien talab biex l-elezzjoni tal-lum tiġi posposta. Madanakollu din it-talba ġier irrifjutata.

L-elezzjoni qed issir wara li f’Awwissu li għadda, il-Kunsilliera tal-PN ivvutaw favur li ssir elezzjoni għall-Kap tal-PN wara ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista u żewġ voti ta’ sfiduċja fil-Kap kurrenti Delia.

Il-Kunsill kien iddeċieda bejn żewġ għażliet, li t-tnejn kienu se jwasslu biex il-Partit isejjaħ konferenza ġenerali li fiha, it-tesserati jivvutaw. Delia kien ipprefera li t-tesserati jingħataw l-opportunità li jgħaddu vot ta’ fiduċja fih. Iżda l-kunsilliera ddeċidew li jiffavorixxu l-għażla ta’ elezzjoni għal Kap ġdid.

Ftit wara, Delia ħabbar li hu kien se jikkontesta l-istess elezzjoni. Kontrih, qed jikkontesta Bernard Grech.

Delia u Grech kellhom dibattitu nhar id-29 ta’ Settembru, ftit jiem ‘il bogħod mill-istess elezzjoni, li kien ixxandar fuq l-istazzjon televiżiv tal-PN.

Waħda mid-diskussjonijiet ewlenin fl-aħħar ġimgħat kien ir-rapport tad-due diligence dwar iż-żewġ kandidati. Dan ir-rapport ħareġ wara li l-Kummissjoni Kandidati ħatret panel ta’ esperti indipendenti biex skont l-istatut u r-regolamenti huma jfittxu fuq il-kontestanti u jivverifikaw dokumenti relatati magħhom inkluż dawk finanzjarji, kummerċjali jew legali. Il-panel kien magħmul minn Dr Antonio Ghirlando bħala Chairperson u mill-Awditur Mario P Galea u n-Nutar Dr Clyde La Rosa.

Ir-rapport kien ippubblikat b’mod sħiħ wara li Delia ressaq mozzjoni quddiem il-Kunsill Amministrattiv tal-partit fejn talab sabiex ikun ippubblikat ir-rapport tad-due diligence dwaru u dwar Bernard Grech. Din il-mozzjoni saret fis-17 ta’ Settembru. Aktar tard dakinhar, il-Kunsill Amministrattiv ħabbar li l-mozzjoni kienet approvata u ppubblika r-rapport sħiħ tad-due diligence.