“Qalli li qed isir sociopath, jien m’emmintux” – ħabib ta’ Erin Tanti

Fil-Qorti llum kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Erin Tanti, akkużat bil-qtil ta’ Lisa Maria Zahra.
Tanti, għalliem ta’ 23 sena qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Lisa Maria, wara li fid-19 ta’ Marzu ttellgħet mejta mill-irdum ta’ Ħad-Dingli.
Qed ikun akkużat ukoll li poġġa l-ħajja ta’ Lisa Maria fil-periklu, li kellu relazzjoni sesswali ma’ tfajla taħt l-età u li ħa vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu ta’ għalliem.
Ippreżentati r-ritratti tal-katavru ta' Lisa Maria Zahra hekk kif ittellgħet mill-irdum u dawk li ttieħdu waqt l-awtopsja
Is-Surġent Evan Camilleri ppreżenta r-ritratti tal-katavru ta' Lisa Maria Zahra li ttieħdu hekk kif ittella' mill-irdum.  Ippreżenta wkoll ritratti tal-vettura li kien hemm fuq l-irdum li kienu qed jagħmlu użu minnha Erin Tanti u Lisa Maria Zahra.

Is-Surġent Camilleri qal ukoll li assista għall-awtopsja ta' Lisa Maria fil-21 ta' Marzu  u ppreżenta xi ritratti. 
"Lisa Maria kienet bla ħajja, bilqiegħda, tħares 'l isfel"
Xehed ukoll is-Surġent Jeffrey McCarthy li fid-19 ta' Marzu mar fuq il-post fejn fost l-oħrajn ra lil Lisa Maria bla ħajja, li kienet bilqiegħda tħares l-isfel.

Ra wkoll ġakketta kannella mdendla ma' siġra tal-ħarrub. Spjega li kien kollega tiegħu li sab il-ġakketta fl-art u dendilha mas-siġra.
"Lisa kienet persuna 'bubbly', dejjem ferħana u intelliġenti"
Fix-xhieda tagħha Marlene Bugeja, għalliema tal-matematika ddeskriviet lil Lisa bħala persuna bubbly, ferħana, dejjem kuntenta u intelliġenti ħafna. 
Qalet li meta bdiet tmur il-privat għandha, meta spiċċat il-Form 2, ma kienx jogħġobha s-suġġett iżda fl-aħħar sena, il-marka medja tagħha kienet telgħet għal 75%. Spjegat li s-suġġett beda jogħġobha u bdiet tikkunsidra li tagħżel il-Matematika fil-livell intermedjarju.
"Kienet qed tipprepara l-ħwejjeġ għall-Prom ta' ftit ġimgħat wara li mietet"

Irrakkuntat kif xi kultant kienu jieqfu għal ftit minuti mil-lezzjoni, u Lisa kienet titkellem fuq safar u ħwejjeġ. Semmiet kif kienet qaltilha li marret l-Afrika ma' missierha u anke Londra għall-Olimpjadi. Qaltilha wkoll li kienet qed tipprepara għall-Prom, li sar ftit ġimgħat wara li mietet, u kienet uritha wkoll il-libsa li kienet se tixtri.
"Darba qaltli wkoll li għandha boyfriend, li kien qasir u li kien jismu Erin", żiedet tgħid Marlene.
Semmiet li kienet tfajla sensittiva u qalbha tajba, u kif darba meta marret tixtri pappagall għażlet wieħed għami minn għajn waħda. 
L-għalliema qalet ukoll li l-aħħar lezzjoni ma' Lisa kienet il-Ħadd ta' qabel it-traġedja. Spjegat li dakinhar tat-traġedja, Lisa kellha lezzjoni fit-3pm, iżda ma marritx. Minkejja li bdiet tipprova ċċemplilha, ma setgħetx taqbadha. "Kienet tfajla li ma stajtx ma tħobbhiex", qalet Marlene.
Żiedet tgħid li fis-7pm ċemplitilha waħda mill-istudenti u qaltilha li sabu lil Lisa mejta. 
Ippreżentant id-dokument bit-telefonati u SMS li saru minn Erin Tanti qabel it-traġedja
Marisa Gauci mill-Vodafone ppreżentat dokument ta' erba' faċċati bil-
logs tat-telefonati u SMS li saru min-numru ta' Erin Tanti bejn is-17 u 19 ta' Marzu.
Jixhed James Muscat, ħabib ta' Erin Tanti.

Xehed James Muscat, żagħżugħ ta' 22 sena li ilu jaf lil Erin Tanti tliet snin. Qal li kien ħabib tiegħu u anke kienu jagħmlu proġetti ta' stand up comedies flimkien.
"Erin qalilna li missier Lisa hu 'powerful' ħafna"
Spjega li f'Novembru 2013, Erin kien qed jgħid lilu u lil sieħeb tagħhom fin-negozju, li għandu tfajla, u meta staqsewh min hi qalilhom 'għalissa ma nista' ngħid xejn.'  Qal li semmielhom li missierha huwa fin-negozju u  hu powerful ħafna, iżda meta staqsewh għal sponsorship qalilhom 'aħjar le'.
"F'Diċembru Erin ikkwieta u beda jinqata' għalih"

James qal li f'Diċembru, Erin kien ikkwieta ħafna u nqata' għalih.  Spjega li darba semmielu li kellu xi problemi fil-familja għax missieru kellu inċident tat-traffiku. 
"Kien jgħidli li kuntent ma' Lisa u li kien iħobbha"
Irrakkonta kif f'Jannar, ftit wara li mar jgħix il-Belt, Erin stiednu u lit-tfajla tiegħu għall-ikel, u kien hemmhekk li ltaqa' għall-ewwel darba ma' Lisa Maria. James reġa' ltaqa' magħha f'għeluq snin omm Erin. 
James Muscat qal li Erin kien qallu li Lisa kellha 17-il sena u li ltaqa' ma' Lisa fuq l-internet jew għax hi ħabiba ta' xi ħbieb tiegħu. Dwar ir-relazzjoni ta' Erin u Lisa, James qal li kienu jidhru kuntenti flimkien u li Erin stess kien jgħidlu li kien kuntent magħha u li kien iħobbha.
"Erin kien qed iħejji ktieb ta' poeżiji għal Lisa għal Jum San Valentinu"
Fix-xhieda tiegħu James qal li għal Jum San Valentinu, Erin kien qed jagħmel ktieb tal-poeżiji għal Lisa. Qal li peress li Erin hu kreattiv u perfezzjonist, jemmen li l-poeżiji kien qed jiktibhom hu.

"Ipprova jaqta' jdejh, kellu żewġ marki"
Spjega li jum minnhom Erin Tanti qallu li qed iħoss li qed isir soċjopatikuJames qal li hu ma emmnux għax meta kellu bżonnu, Erin dejjem kien hemm.
Irrakkonta kif ġimgħa wara, meta kien għand Erin, innota marka f'idejh u talbu jgħolli l-komma. Iddeskriva li b'kollox kellu żewġ marki li kienu jidhru li għamilhom hu stess. James qal li dak il-ħin irrabja u qal lil Erin li jekk jerġa' jara xi ħaġa simili mhux se jibqa' ħbieb miegħu u se jwaqqaf il-proġetti li kellhom flimkien. 
Spjega kif l-aħħar darba li kellem lil Erin kien fit-18 ta' Marzu 2013, meta Erin ċempillu biex jirringrazzjah talli kien ħabib tajjeb u biex jgħidlu li japprezza x-xogħol li għamlu flimkien.
Dwar il-flus li Erin kien iżomm f'kaxxa blu fl-appartament tiegħu fil-Belt, James qal li dawk kienu kollha tiegħu għax kienu qasmuhom ġimgħa qabel.