Illum jinqata’ l-verdett dwar il-proġett tad-db

Illum mistennija tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk hux se jkun permess li jsir il-proġett tad-db Group fuq l-art tal-ITS ħdejn il-bajja ta’ San Ġorġ biex jinbena torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular fost l-oħrajn.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-rappreżentanta tal-partit fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar se tkun qed tivvota kontra l-proġett. Is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili kien iddikjara fuq Facebook li huwa se jivvota kontra l-proġett. Madanakollu għadu mhux magħruf kif se jivvutaw il-membri kollha tal-bord. Però, l-Awtorità tal-Ippjanar mistennija tapprova t-torri.

Fi stqarrija l-Partit Demokratiku  (PD) qal li l-PA għandha tirrifjutà l-proġett. Qal li jinsab viċin wisq tad-djar u li se jkun hemm konġestjoni eċċessiva ta’ traffiku. Fi stqarrija oħra Żminijietna – Leħen ix-Xellug appellat lill-PA biex jivvota kontra l-proġett minħabba l-qerda tal-ambjent li se jġib miegħu.

X’kienu qalu tad-db Group?

Waqt laqgħa storbjuża, l-iżviluppaturi tal-proġett fuq is-sit tal-ITS ma weġbux għad-domanda li saritilhom jekk iridux proġett bħal dak sitt metri ‘l bogħod mid-dar tagħhom.

“In-nies qamu għax eluf ta’ residenti jaraw dan il-proġett bħala theddida kibra għall-kwalità bażika tal-ħajja tagħhom” kienu qalu rappreżentanti minn 12-il għaqda, 3 Kunsilli Lokali, u residenti li kienu nġabru jipprotestaw kontra l-proġett tad-db fejn qed ikun propost li minflok l-iskola tal-ITS jinbena torri ta’ 38 sular u lukanda ta’ 17-il sular.

Moviment Graffitti

Ir-rapprezentant tal-Moviment Graffitti Andre Callus qal li din il-kwistjoni tikkonċerna l-princpju fundamentali ta xi jridu ċ-ċittadini li jsir mill-ispazju f’Malta. Qal li dan jgħodd b’mod specjali meta tkun involuta art pubblika.

Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent oġġezzjonat formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-iżvilupp propost mill-kumpanija db Group għaż-żona tal-bajja ta’ San Ġorġ.
Il-Kummissjoni qalet li tħoss li l-proġett jagħmel għajb lil sistema ta’ ippjanar li l-għan tagħha għandu jkun li toħloq u taqdi komunitajiet sostenibbli.

Il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan mhux se jkun rappreżentat fil-bord tal-ippjanar li se jiddetermina l-istat tas-sit fejn qabel kien hemm l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS). Il-Kunsill Lokali magħżul huwa dak ta’ Pembroke.

X’qalu il-firmatarji tal-oġġezzjonijiet?

Uħud minnhom qalu li:

  • Il-proġett jikser ir-regoli tal-PA relatati ma’ kemm jista’ jkun ’il bogħod mir-residenti proġett bħal dan, jiġifieri l-Proporzjon tal-Arja tal-Art (Floor Area Ratio)
  • It-torri u l-lukanda qrib wisq il-blokok t’akkomodazzjoni soċjali, u se jimblukkaw ix-xemx, jżidu t-tniġġis u jweħħlu kullimkien bit-traffiku
  • Impatt negattiv fuq il-Bajja ta’ San Ġorġ, li prattikament titgħatta mill-iżvilupp, li jxekkel in-negozju f’dawk l-inħawi
  • L-iżvilupp jimpatta ħażin is-sit ta’ Natura 2000, Għar Ħarq Ħamiem