Aġġornata: It-tabib George Vella l-President ġdid ta’ Malta

DOI / Omar Camilleri

Għall-ħabta ta’ nofsinhar tal-lum, Malta se jkollha President ġdid, it-tabib George Vella.

Iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra ta’ President ġdid se tibda fl-10am b’quddiesa fil-Kon-Katidral immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Wara l-quddiesa li għaliha huma mistiedna wkoll mexxejja ta’ denominazzjonijiet Insara u ta’ komunitajiet inter-faith, il-President-elett fliemkien mal-familjari u l-mistidnin jimxu lejn il-Palazz tal-Granmastru fejn hemmhekk tibda seduta Parlamentari speċjali.

Newsbook.com.mt se jżommok aġġornat LIVE mill-Belt Valletta.

Filmati: PBS

Fil-12.15pm, George Vella se jieħu l-ġurament tal-kariga ta’ President ta’ Malta fis-Sala tal-Gran Kunsill. Il-ġurament jiġi ffirmat mill-President Marie-Louise Coleiro Preca u mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.  Il-President il-ġdid mistenni jaqra l-Proklama u jiffirmaha, li mbagħad tiġi ffirmata mill-Prim Ministru. Wara l-ġurament tal-ħatra, il-President ta’ Malta jindirizza lill-mistednin distinti.

Eżatt wara, il-President isellem lill-poplu mill-gallarija tal-Palazz flimkien mal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca.

Għall-ħabta tas-1.30pm, il-President iqiegħed kuruna fuq il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana u minn hemm jitlaq bi skorta tal-pulizija lejn il-Palazz ta’ San Anton.

Aktar tard waranofsinhar, il-President il-ġdid se tkun qed tiltaqa’ mal-Prim Ministru u mal-Kap tal-Oppożizzjoni.