Read in English.
Illum se jiltaqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista wara li lbieraħ Adrian Delia ġie kkonfermat bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Wara li l-ġimgħa li għaddiet Delia tilef vot ta’ fiduċja billi 17-il Membru Parlamentari u żewġ MEPs ivvutaw kontrih, id-Deputati Chris Said u Claudette Buttigieg formalment ħadu n-nomina ta’ Therese Comodini Cachia għand il-President George Vella, għaliex xtaqu li huwa jaħtar lilha minflok Delia, ladarba dan tilef il-fiduċja tal-maġġoranza tal-MPs.
Minn hemm skatta proċess, skont il-Kostituzzjoni, li fih il-President iltaqa’ mal-Membri Parlamentari kollha sabiex jifhem jekk dawn għadx għandhom fiduċja f’Adrian Delia bħala Kap. 16-il Membru Parlamentari qalu li m’għandhomx, 11 qalu li għandhom, inkluż Delia nnifsu, u d-Deputat Stephen Spiteri astjena.
Minkejja din il-maġġoranza kontra Delia, il-President iddeċieda li dan għandu jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, ladarba huwa Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni.
Kien hemm diversi reazzjonijiet għal din id-deċiżjoni, ewlenin fosthom:
- Adrian Delia wiegħed li se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni, aktar minn qatt qabel, li mhux se jaqta’ qalbu u li jrid jimxi ‘l quddiem “verament flimkien, mhux taparsi”
- L-MPs kontrih qalu li d-deċiżjoni tal-President tmur kontra l-Kostituzzjoni
- Therese Comodini Cachia qalet li se tibqa’ sservi lill-PN u lill-pajjiż, speċjalment għax irnexxielha ġġib l-għaqda fl-aħħar jiem
- Robert Arrigo qal li loġika li Delia jibqa’ Kap; jekk ma jirnexxix fl-elezzjoni li jmiss, ikollu jitlaq
- David Agius irrimarka li dak li ddeċieda l-President jaqbel mal-istatut tal-PN
- Clyde Puli qal li se jippruvaw jaħdmu flimkien bħala Grupp Parlamentari
Il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-lejla mistennija tkun waħda mimlija tensjoni u laqgħa kemxejn diffiċli. Madankollu, sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qalu lil Newsbook.com.mt li l-atmosfera hija waħda fejn donnu l-ebda naħa mhi lesta li taffaċċja lill-oħra.
Id-deċiżjoni tal-President tikkontradixxi dak li qal fi Frar li għadda, meta f’kummenti lill-MaltaToday, kien stqarr li jekk il-maġġoranza tkun kontra Delia, huwa jkollu jneħħih mill-kariga.