Filmat: Castaldi Paris jirbaħ l-elezzjoni għas-siġġu ta’ Cardona

Aġġornat 05:32 PM

Read in English.

Ian Castaldi Paris rebaħ l-elezzjoni każwali kontra Rachel Tua biex jieħu s-siġġu parlamentari ta’ Chris Cardona.

Castaldi Paris kiseb 2,286 vot filwaqt li Tua kisbet 1,300 vot.

Fl-ewwel kummenti tiegħu lill-midja wara li tħabbret ir-rebħa ta’ Castaldi Paris, huwa qal li l-politiku qiegħed hemm biex jirrappreżenta lil kulħadd, peress li ġie mistoqsi dwar it-tranżizzjoni tiegħu minn Sindku Nazzjonalista għal Membru Parlamentari Laburista. Żied jgħid li issa se jirreżenja mill-kariga tiegħu f’Identity Malta u anke mix-xogħol li jokkupa fl-Air Malta sabiex jiffoka fuq il-Parlament.

Illum ingħaddew il-voti tal-elezzjoni każwali bejn Ian Castaldi Paris u Rachel Tua, sabiex xi ħadd minnhom jieħu post l-eks Ministru Chris Cardona fil-Parlament. L-għadd tal-voti beda fid-9am fil-Kumpless tal-Għadd tal-Voti tan-Naxxar.

Castaldi Paris u Tua kienu l-uniċi tnejn li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom biex jieħdu s-siġġu ta’ Cardona.

Castaldi Paris kien preżenti fin-Naxxar, liebes maskra, flimkien mal-canvasers tiegħu. Rachel Tua ma kinitx preżenti.

Il-Partit Laburista feraħ lin-Nutar Ian Castaldi Paris li ġie elett mit-tmien distrett elettorali.

Il-Partit Laburista rringrazzja wkoll lill-Avukata Rachel Tua.

L-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona rriżenja mill-Parlament fit-30 t’April. Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, li se jżomm postu fit-tmexxija tal-Partit minkejja r-riżenja mill-Parlament, qal li wara 24 sena fil-Parlament kien wasal iż-żmien li jirriżenja.

Fl-aħħar diskors parlamentari tiegħu qal li għandu 48 sena, u allura, nofs ħajtu qattagħha fil-Parlament. Għalhekk ħass li kien ta kontribut biżżejjed fil-ħidma parlamentari.

Cardona kien inxteħet taħt dell ikrah meta fi tmiem l-2019, huwa ġie interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa kien issospenda ruħu mill-Kabinett, u mbagħad, reġa’ lura fil-kariga tiegħu ladarba ma ttieħdu l-ebda passi kontrih.