Illum jiftħu l-gyms; x’inhuma r-regoli?

Reuters

Il-gyms u ċ-ċentri tal-isport illum jistgħu jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom, issa li l-Gvern irtira l-avviżi legali li kienu jipprojbixxu l-ftuħ ta’ dawn il-postijiet minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Mil-lum, il-Gvern qed jillaxka għadd ta’ miżuri restrittivi meħudin sabiex tiġi kkontrollata l-imxija, peress li l-pajjiż qiegħed jitqies f’perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-Prim Ministru Robert Abela qed issejjaħ din in-normalità l-ġdida, u ħabbar nhar it-Tnejn li għadda li mil-lum kulħadd jista’ jmur lura għax-xogħol, anke n-nies vulnerabbli.

Peress li l-gyms se jerġgħu jiftħu, ilbieraħ il-Ministeru għas-Saħħa ppubblika dokument bil-linji gwida li jridu jsegwu l-ħaddiema tal-gyms u anke n-nies li jattendu sabiex tiġi mħarsa saħħithom.

Uħud minn dawn huma li:

  • Il-bibien għandhom jitħallew miftuħin ħalli n-nies ma jmissux il-pumi
  • Affarijiet mhux neċessarji bħal magazins, ħelu u ċarġers tal-mowbajl m’għandhomx jiġu offruti lill-klijenti mill-gym
  • Il-maskri m’għandhomx jintlibsu waqt l-eżerċizzju fiżiku
  • Post apposta fejn jintremew il-maskri u l-wipes; dan il-bin irid jitbattal kuljum
  • Irid jintuża l-hand sanitiser qabel u wara kull eżerċizzju, meta jimxu minn apparat għal ieħor
  • Il-klijenti jridu jimsħu l-apparat bil-wipes alkoħoliċi wara li jużawh; dan irid jitħalla jinxef waħdu, u mbagħad jerġa’ jintuża
  • Apparat bħal blalen, blocks, mats, resistance bands, ħbula tal-qbiż, wobble boards, paralletes u foam rollers għandu jinżamm f’żona waħda biex jitnaddaf faċilment
  • Sessjonijiet fi gruppi għandhom jiġu offruti biss jekk tista’ tinżamm id-distanza bejn dawk preżenti (jistgħu jsiru lezzjonijiet fi grupp fuq barra)
  • L-użu taċ-changing rooms u x-xawers mhuwiex permess
  • Il-klijenti għandhom jieħdu apparat, bħal mats, helmets, racquets, u ingwanti, tagħhom magħhom fil-gym
  • L-użu ta’ ingwanti tal-isport mhux rakkomandat
  • Il-personal trainers għandhom jilbsu maskra l-ħin kollu
  • Il-personal trainers għandhom jevitaw kull kuntatt fiżiku mal-klijenti
  • Water dispensers mhumiex permessi
  • Il-klijenti jrid ikollhom ix-xugaman tagħhom
  • Mhumiex permessi fannijiet fil-gyms peress li b’dawn jinxterdu l-mikrobi

Apparti dawn, japplikaw ukoll ir-regoli ġenerali għall-ħwienet u l-istabbilimenti: li jrid ikun hemm persuna kull sitt metri kwadri, inklużi l-ħaddiema, li l-klijenti jridu jagħmlu appuntament u ma jistgħux jaslu aktar minn ħames minuti qabel imisshom, iridu jimlew formola biex jiddikjaraw li huma f’saħħithom, u jrid ikun hemm il-perspex fiż-żona tar-reception. Irid ikun hemm ukoll avviż fuq barra li jindika kemm-il persuna hija permessa fil-gym.

Fost in-nies li marru lura bi ħġarhom fil-gyms illum, kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarja Parlamentari Rosianne Cutajar, li bdew il-jum tagħhom bl-eżerċizzju fiżiku.

Aqra r-regoli fid-dettall hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn