Illum jibdew il-provi tal-Eurovision

Andres Putting

Illum is-Sibt huwa l-jum meta f’Tel Aviv bdew il-provi għall-edizzjoni li jmiss tal-Eurovision Song Contest. Il-provi jsiru skont l-ordni ta’ kif se jitwasslu fis-serati u għalhekk illum hemm l-ewwel nofs tal-ewwel semi finali.

Il-kantanta Tamta għal Ċipru diġa għamlet il-prova tagħha waqt li llum isegwu wkoll Montenegro, il-Finlandja, il-Polonja, is-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Belarus u s-Serbja.

Wara li l-artist ilesti l-provi tiegħu, imorru flimkien mad-delegazzjoni f’dik li tissejjaħ il-viewing room. B’hekk ikunu jistgħu jaraw il-provi li ġew iffilmjati u jieħdu noti biex jiddiskutu dak li hemm bżonn jitranġa biex sas-serata tagħhom ikun qed iwasslu l-aħjar

It-tibdil, fejn ikun possibbli, ikun implimentat fit-tieni provi li ssir fil-ġranet ta’ wara.

Wara li jaraw il-provi u jiddiskutu, tibda diskussjoni ma’ dawk responsabbli mix-xagħar u l-irtokk biex jassiguraw li dawn ukoll ikunu preparati għal dak li hemm bżonn.

Wara, dawn jiltaqgħu mat-tim tal-Eurovision li jaħdem fuq il-pjattaforma diġitali u wara diskussjonijiet li jsiru magħhom, l-artisti flimkien mad-delegazzjoni jerħulha lejn il-press centre biex jiltaqgħu mal-fans u ġurnalisti akkredetati.

Għada l-Ħadd il-provi jkomplu għaddejjin bl-artisti li se jipparteċipaw fit-tieni nofs tal-ewwel semifinali.