Illum jibda t-Tridu tal-Għid

Illum jingħata bidu għal dak li jissejjaħ it-Tridu tal-Għid, jiġifieri tlett ijiem li jwasslu għall-akbar festa tal-Insara: l-Għid il-Kbir. Il-Knisja llum qed tfakkar jum Ħamis ix-Xirka. Illum issir it-tifkira tat-twaqqif tal-Ewkaristija u l-Ordni Sagri, fejn anke jsir il-ħasil tar-riġlejn li jissimbolizza l-qadi.

Aktar tard dalgħodu ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa tat-tberik taż-żjut imqaddsa. Flimkien mal-Arċisqof Pawlu Cremona, f’din iċ-ċelebrazzjoni jieħdu sehem saċerdoti djoċesani u reliġjużi. L-Arċisqof ibierek iż-żjut imqaddsa li jintużaw fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tal-Griżma tal-Morda, tal-Magħmudija, tal-Konfermazzjoni u l-Ordni Sagri. Is-saċerdoti preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal-ordinazzjoni saċerdotali.

Illejla mbagħad issir it-tifkira solenni tal-ikla tal-Mulej. Wara l-quddiesa, bħalma jsir fil-parroċċi kollha, l-Arċisqof Pawlu Cremona se jittrasporta s-Sagrament lejn l-Artal tar-Repożizzjoni, fejn is-Sagrament jinżamm għall-qima tal-Insara.