Jibda jingħata l-vaċċin ta’ Oxford fir-Renju Unit

Aġġornat 09:58 AM
Oxford vaċċin
Twitter

Read in English.

Illum, fir-Renju Unit, beda jingħata l-vaċċin maħluq minn Oxford u AstraZeneca kontra l-coronavirus.

L-ewwel persuna li ħaditu kien Brian Pinker, pazjent tad-dijaliżi ta’ 82 sena. Huwa ħa t-tilqima ġol-isptar tal-Università ta’ Oxford, mill-Kap tal-Infermiera Sam Foster.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, qal li hu kuntent ħafna li qed jieħu l-vaċċin li ġie ivvintat f’Oxford.

Aktar minn nofs miljun doża mistennija jingħataw illum. Il-vaċċin għalissa se jingħata fi ftit postijiet, sabiex jissorveljawh: f’Oxford fejn inħoloq, f’Londra, f’Sussex, f’Lancashire u f’Warwickshire.

Is-Segretarju tas-Saħħa fil-Gvern Ingliż iddeskriva dan il-mument bħala wieħed sinifikanti fil-ġlieda tar-Renju Unit kontra l-Covid-19, peress li fl-aħħar ġimgħat kien hemm żieda qawwija ta’ każijiet minħabba l-varjant il-ġdid, li nstab l-ewwel fir-Renju Unit stess. Dan il-vaċċin hu mistenni jtaffi din is-sitwazzjoni, sabiex forsi jibdew jittaffew il-miżuri restrittivi.

Madankollu, il-Prim Ministru Boris Johnson wissa li jaf jittieħdu miżuri eħrex.

Ilbieraħ, kien hemm aktar minn 50,000 każ ġdid fir-Renju Unit, u dan wassal biex il-Partit Laburista jsejjaħ għal lockdown. Kieku jsir lockdown, dan ikun it-tielet wieħed minn meta bdiet il-pandemija.

Bħalissa, fl-Irlanda ta’ Fuq u f’Wales hemm lockdown, u l-Ministri Skoċċiżi se jiltaqgħu biex jiddiskutu aktar miżuri fl-Iskozja.