Illum it-42 anniversarju mill-mewt ta’ Elvis

Kien bħal-lum 42 sena li Elvis Presley kien instab mejjet. Il-mużika tiegħu baqgħet ħajja sal-lum u ħafna huma dawk li jimitawh u saħasnitra jerġgħu joħorġu l-kanzunetti tiegħu. Saħansitra hemm ukoll film bijografiku dwaru li qed jinħema.

AQRA: Ara meta se joħroġ il-film dwar Elvis Presley!

Dwar Elvis Presley ftit li xejn hemm affarijiet ġodda xi tgħid, iżda bħal-lum id-dinja baqgħet dejjem tfakkar lil dan l-artist.

L-istess nagħmlu aħna għax il-kurżitajiet u t-tifkiriet dwaru baqgħu dejjem imfittxija.

Kurżitajiet dwar ir-Re tar-Rock ‘n Roll

Elvis biegħ 1,200,000,000 albums madwar id-dinja. Sa issa ma hemm l-ebda artist jew grupp ieħor li qatt laħaq l-ammont tiegħu.

L-atturi favoriti ta’ Elvis kienu James Dean u Marlon Brando. Iżda min-naħa l-oħra, Marlon Brando xejn ma kellu grazzja ma’ Elvis Presley.

Presley kien akkanit tal-futbol u fi Graceland kellu tliet settijiet tat-televiżjoni biex ikun jista’ jsegwi l-partiti kollha, meta dawn ikunu qed jaħbtu fl-istess ħin.

Ritratt: Betsy G. Reyneau

Kien jammira ħafna lil Dr Martin Luther King. Fl-1966 Elvis kien għamel talba biex jiltaqa’ miegħu iżda b’diżappunt għal Presley, din il-laqgħa qatt ma saret.

Elvis kien iħobb isegwi t-televiżjoni meta kien ikollu ċ-ċans u l-programmi favoriti tiegħu kienu The Jeffersons, Good Times, Happy Days u The Flip Wilson Show.

L-unika film li ħadem fih Elvis u li finanzjarjament ma kienx daħħal il-flus maħruġa kien Wild In The Country (1961).

Kris Kristofferson u Barbra Streisand f’A Star Is Born

Barbra Streisand riedet lil Elvis jaħdem magħha fil-film A Star Is Born, l-istess film li dan l-aħħar ħarġet Lady Gaga. Col. Tom Parker, il-maniġer ta’ Elvis, kien talab miljun dollaru għall-parteċipazzjoni ta’ Elvis. Spiċċa biex il-parti ħadimha minfloku Kris Kristofferson.

L-istess ġara għall-film True Grit li kellu bħala protagonista lil John Wayne. Id-domanda ta’ ħlas ma ntlaħqitx u l-parti ħadha Glen Campbell.

Presley xtaq ħafna li jaħdem il-parti ta’ Don Vito Corleone fil-film The Godfather iżda ma rnexxilux jikseb audition. Il-parti minflok interpretaha Marlon Brando.

Elvis Presley u Dolores Hart fil-film King Creole. Ritratt: Paramount Pictures

King Creole tal-1958 kien l-aktar wieħed favorit ta’ Elvis.

L-unika mara li kellha relazzjoni twila ma’ Elvis wara Priscilla Presley kienet il-mudella u attriċi Linda Thompson. Elvis u Thompson damu flimkien għal erba’ snin u nofs bejn l-1972 u l-1976.

L-aħħar kanzunetta

L-aħħar kanzunetta li Presley kanta qabel miet kienet My Baby Left Me. Dan seħħ fid-dar tiegħu fejn poġġa fuq il-pjanu u daqq hu stess għal din il-kanzunetta waqt li kantaha quddiem xi ħbieb u qraba tiegħu. Id-data kienet il-15 ta’ Awwissu 1977. Hu miet l-għada, fis-16 ta’ Awwissu.

Fl-aħħarnett, hawn Malta, kien ix-xandar Victor Aquilina, li kien ħabbar il-mewt ta’ Elvis Presley.