Illum issir in-notifika tal-għeluq tat-tebut tal-Kardinal Prospero Grech

Dalgħodu, uffiċċjal tal-Vatikan qed jagħmel dak li jissejjaħ ‘Rogito’ li fi kliem sempliċi jfisser li se jkun qed jinnotifika u jirreġistra l-għeluq tat-tebut f’dokumenti uffiċjali bħalma jsir fil-każ ta’ kull kardinal li jmut.

Dan intqal fi stqarrija mill-Provinċja Agostinjana Maltija li qed iżomm lill-medja aġġornata bil-proċessi kollha dwar il-mewt u l-funeral tal-Kardinal Grech.

Il-Kardinal Grech twieled fl-24 ta’ Diċembru tal-1925, kien jifforma parti mill-Ordni Agostinjan u kien wieħed mill-fundaturi tal-Istitut Patristiku Agostinjan f’Ruma.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija għadha għaddejja bit-tħejjijiet għall-funeral tal-Emminenza Tiegħu. Il-ġisem tal-Kardinal it-Tlieta ttieħed lura l-Kulleġġ Internazzjonali Santa Monika, fejn kien għex il-parti l-kbira ta’ ħajtu. Hemmhekk huwa tqiegħed għar-rispett tal-aħwa u dawk kollha li marru jagħtuh l-aħħar tislima.

Il-ġisem tiegħu se jkun qed jittieħed fil-Bażilika ta’ San Pietru fejn għandu jsir il-funeral fuq l-altar tal-Kattedra ta’ San Pietru. Iċ-ċerimonja se titmexxa mill-Kardinal Giovanni Battista Re li huwa Viċi Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Il-Papa Franġisku għandu jippresiedi l-aħħar parti tar-rit funebri. Għaċ-ċelebrazzjoni, barra l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan P. Alejandro Moral Anton, il-Provinċjal tal-Provinċja Agostinjana Maltija P. Leslie Gatt u diversi aħwa agostinjani u saċerdoti oħra, għandu jkun hemm ukoll l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Amministratur tad-Djoċesi ta’ Għawdex u Pro-Segretetarju tas-Sinodu Mario Grech, flimkien ma’ numru ta’ isqfijiet. 

Il-Provinċja spjegat li l-Istat Malti se jkun rappreżentat ukoll mill-President ta’ Malta George Vella u martu. Se jattendi wkoll, f’isem il-Gvern Malti, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istat tal-Vatikan Frank Zammit.

Intant, il-Provinċja Agostinjana Maltija għadha għaddejja bit-tħejjijiet biex fil-jiem li ġejjin il-ġisem tal-Kardinal Grech jinġieb hawn Malta. Il-ħsieb huwa li ssirlu quddiesa presente cadevere li tagħti ċ-ċans lil dawk li jixtiequ jagħtuh l-aħħar tislima hawnhekk. Dettalji dwar dan jitħabbru aktar il-quddiem.

F’dawn il-jiem l-Ordni Agostinjan irċieva diversi messaġġi ta’ kondoljanzi fosthom mill-Papa Franġisku u mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-kardinal Pietro Parolin.