Jitressqu 16-il emenda oħra qabel l-aħħar dibattitu dwar ir-rapport ta’ Omzigt

Monique Agius

Illum se jkun qed jiġi diskuss ir-rapport approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) dwar l-assassinju tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia u r-rispett lejn il-liġijiet f’Malta. Pieter Omtzigt huwa r-rapporteur speċjali ta’ PACE dwar dan il-każ. Dan se jkun qed jiġi diskuss mill-Kunsill tal-Ewropa fi Strasburgu. Intant, Il-Membru Parlamentari Laburista Manuel Mallia, flimkien ma’ numru ta’ firmatarji oħrajn ressqu 16-il emenda għar-rapport.

Ir-rapport dwar l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva ikkonkluda li jekk Malta mhux se tkun qed taħdem biex tirranġa fejn hi l-aktar dgħajfa, l-istituzzjonijiet Ewropej iridu jintervjenu. Il-Gvern kien sostna li r-rapport huwa mimli ineżattezzi u għandu aġenda żbilanċjata li ma tħarisx lejn il-verità tas-sitwazzjoni.

Aqra: Assassinju Daphne: “Ir-rapport approvat ta’ Omzigt żbilanċjat” – Il-Gvern

Ir-rapport jgħid li l-pulizija fallew bosta drabi milli jinvestigaw persuni bħal Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. It-tnejn li huma kienu suġġetti għall-investigazzjonijiet tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Ir-rapport innota li bosta individwi qed igawdu minn impunità u jinsabu taħt il-protezzjoni personali tal-Prim Ministru.

Pieter Omtzigt inħatar mill-Kumitat PACE dwar il-Liġi u d-Drittijiet Umani biex jipprepara r-rapport. Hu kien qal li huwa importanti li min ordna l-qtil tal-ġurnalista jingħata l-kastig li ħaqqu.

Aqra: “Jekk Malta mhux se taħdem fuq fejn hi dgħajfa, l-Ewropa trid tintervjeni” – KE

Il-Gvern, b’reazzjoni għall-approvazzjoni tar-rapport, kien qal li l-Gvern u l-Membri Parlamentari tiegħu jirrispettaw ir-regoli tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-kunfidenzjalita tal-proċessi u l-laqgħat. Tenna li minkejja dan, il-Kunsill tal-Ewropa stess ma jimxix mal-prinċipji tiegħu stess hekk kif iddeċieda li joħroġ l-abbozz tar-rapport qabel ma dan ġie ffinalizzat u jgħaddih lill-media.

Aqra: “​Il-Kunsill tal-Ewropa se jaħtar rapporteur dwar l-assassinju ta’ Daphne” – MP Olandiż

Manuel Mallia b’16-il amenda oħra għar-rapport

Il-Membru Parlamentari Laburista Manuel Mallia, għat-tieni darba ssottometta numru ta’ emendi għar-rapport. L-ewwel sett ta’ emendi, li kien jammonta għal total ta’ 40 sottomissjoni. L-ebda waħda minnhom ma kienet ġiet approvata.

Intant, ilbieraħ, Mallia flimkien ma’ numru ta’ firmatarji oħrajn issottomettew 16-il emenda oħra propju qabel ma r-rapport jgħaddi mill-aħħar evalwazzjoni tiegħu qabel ma jittieħed il-vot finali tal-lum. Il-firmatarji huma Ulviyye Aghayeva (Ażerbajġan), Rosianne Cutajar (Malta), Vanessa D’Ambrosio (San Marino), Marco Gatti (San Marino), Etienne Grech (Malta), Zita Gurmai (Ungerija), Sabir Hajiyev (Ażerbajġan), Samad Seyidov (Ażerbajġan), Roger Zavoli (San Marino), Stefan Zrinzo Azzopardi (Malta), Barna Pai Zsidgmond (Ungerija).

Fost l-emendi, qed jingħad li r-rapport ibbaża lilu nniffsu fuq rapporti tal-media li huma żbilanċjati u jinjora inkjesti Maġisterjali. Il-firmatarji tennew ukoll li l-kompożizzjoni tal-Kumitat tal-Ħatriet tal-Ġudikatura ma jmurx kontra dak li suppost isir fl-Unjoni Ewropea.

Attivisti jappellaw lill-komunità internazzjonali biex jitkellmu mal-MPs

Intant fuq Facebook, attivisti tennew li l-Membri Parlamentari tal-Gvern Malti qed jippruvaw jimminaw ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa bl-għajnuna tal-Ażerbajġan. Intant appellaw sabiex kulħadd jitlob lill-Membri Parlamentari tal-pajjiż tiegħu fi ħdan il-PACE sabiex jagħti s-sapport lill-ġustizzja, s-saltna tad-dritt u s-sigurtà tal-ġurnalisti billi jivvutaw favur ir-rapport.

ASK YOUR MP TO SUPPORT JUSTICE BY VOTING IN PACE TODAYMalta government MPs are trying to undermine a Council of Europe…

Posted by Justice for Daphne Caruana Galizia on Tuesday, June 25, 2019