Illum interrogat is-Sirjan ‘affiljat mal-ISIS’ u li prova jiġi Malta b’passaport falz

Dalgħodu mistenni jiġi interrogat is-Sirjan ta’ 30 sena Alali Faowaw, wieħed miż-żewġ Sirjani li nhar l-Erbgħa li għadda twaqqfu fl-ajruport ta’ Bergamo qabel ma qabdu titjira lejn Malta
Faowaw qed jiġi akkużat li hu affiljat mat-terroristi tal-Istat Iżlamiku. 
Għall-bidu, iż-żewġ Sirjani kienu akkużati biss li kellhom passaport falz iżda waqt it-tfittxija nstab li fuq il-mowbjal ta’ Faowaw hemm ritratt tiegħu liebes l-uniformi tal-Istat Iżlamiku, ritratt li qed jitqies bħala importanti ħafna f’din l-investigazzjoni. 
Skont il-mezzi tax-xandir Taljani, Faowaw hu midħla sew tat-terroristi Iżlamiċi, anke jekk hu qed jgħid li dik l-uniformi hi tal-pulizija.  Irrakkonta li f’Raqqa għandu familja u meta kien pulizija spiċċa vittma ta’ korruzzjoni u minħabba dan, ġie arrestat u kkundannat 100 daqqa ta’ frosta.  Sostna li kien għalhekk li ddeċieda li jaħrab mis-Sirja minħabba l-biża’ li jinqatel mir-reġim Iżlamiku. 
Is-Sirjan l-ieħor li kien miegħu qed ikun akkużat biss b’dokumenti foloz għaliex fil-mowbajl instablu filmat satiriku fuq l-Istat Iżlamiku. 
Iż-żewġ Sirjani għadhom qed jinżammu maqfula fil-ħabs ta’ Bergamo u t-tieni smigħ fil-qorti se jsir fis-17 ta’ Diċembru li ġej.