Illum inħossuna parti mill-Ewropa u kapaċi nkunu protagonisti – Joseph Muscat

Meta kien qed jindirizza laqgħa pubblika organizzata mill-MEUSAC fl-okkażjoni tal-10 snin sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fl-10 snin li ġejjin hemm bżonn li l-Unjoni tħares ‘il quddiem b’mod globali u filwaqt li żżomm id-dixxiplina fiskali, tiftaħ għall-investiment globali.
Il-Prim Ministru qal li għaxar snin ilu konna iżjed iffukati fuq dak li ser indaħħlu u dak li ser noħorġu iżda l-esperjenza qed turina li l-ikbar bidla saret fil-mentalità tal-poplu Malti.
Illum inħossuna parti mill-Ewropa u kapaċi nkunu protagonisti.
Saħaq li Malta huwa wieħed mill-iżjed pajjiżi li ngħata fondi mill-Unjoni Ewropea u dan għen biex inkomplu naħdmu u ninvestu.
Joseph Muscat qal li għaldaqstant għadna ma żviluppajniex biżżejjed l-istituzzjonijiet Ewropej.
Fost il-firxa wiesgħa ta’ mistoqsijiet u diskussjonijiet, issemmew ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, il-Kompetizzjoni fis-Suq, il-viżjoni Ewropea għall-għaxar snin li ġejjin u l-importanza tal-Mediterran fi ħdan l-Ewropa.
Tkellmet ukoll il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli li sostniet kif pajjiżna qed ikun minn ta’ quddiem f’ċertu setturi u jattendi f’fora Ewropea fejn mhux biss qed jitkellem b’kunfidenza iżda wkoll qed jipproponi strateġiji.  

RItratt: DOI – Jeremy Wonnacott