Illum imiss lil Michela għall-provi tal-Eurovision

Jonathan Brincat

Read in English.

Dalgħodu l-kantanta Michela Pace se tkun qed titla’ għall-ewwel darba fuq il-palk tal-Eurovision biex tagħmel il-prova għall-parteċipazzjoni tagħha fit-tieni nofs tat-tieni semi finali tas-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest.

Hi se tkun qed tipparteċipa bil-kanzunetta Chameleon ta’ Joacim Persson, Paula Winger, Borislav Milanov u Johan Alkanas.

Michela se tkun it-tieni artista li llum titla’ fuq il-palk tal-Eurovision fl-Iżrael għall-provi tal-wirja tagħha. Qabilha se jkun hemm il-Kroazja.

Wara Michela, il-provi jkomplu billi jitilgħu fuq il-palk l-artisti l-oħra fit-tieni semi finali: il-Litwanja, ir-Russja, l-Albanija, in-Norveġja, l-Olanda, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Ażerbajġan.

Wara llum ikunu saru l-provi tal-artisti parteċipanti kollha fl-ewwel żewġ semi finali.

Għada l-Erbgħa mhu se jsiru l-ebda provi filwaqt li mill-Ħamis jibdew it-tieni provi tal-kantanti mill-ewwel semi finali tat-Tlieta 14 ta’ Mejju.