Ritratti: “Grazzi Pawlu VI għall-umiltà u x-xhieda tiegħek” – Franġisku

Il-Papa Franġisku, permezz tat-talba liturġika ddikjara il-Papa Pawlu VI bħala Beatu.
Waqt l-omelija, il-Papa Franġisku rringrazzja lill-Beatu Pawlu VI għall-umiltà u x-xhieda tal-fidi li dejjem wera fit-tmexxija tal-Knisja.
Fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti, kull darba li ssemma’ l-isem ta’ Pawlu VI, Franġisku qal li l-kobor ta’ dan il-Papa jidher fl-umiltà u t-telqa tiegħu fir-rieda ta’ Alla.
B’referenza għall-Evanġelju tal-ġurnata, il-Papa Franġisku qal li Pawlu VI għex kuljum il-kmand ta’ Ġesù: “Agħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla.”
Żied li ta’ ħajtu għall-ħidma fi ħdan il-Knisja u meta kien fit-tmexxija tagħha, minkejja s-sekularizzazzjoni li bdiet terfa’ rasha f’dak iż-żmien, qatt ma qata’ qalbu.
Fakkar kif kien il-Beatu Pawlu VI li waqqaf is-Sinodu tal-Isqfijiet biex fi kliem il-Papa, il-Knisja timxi id f’id mas-soċjetà, b’ħarsitha dejjem fuq Ġesù.
Hekk kif illum ġiet fi tmiemha l-Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja, Franġisku ddeskriva l-aħħar ġimgħat bħala esperjenza qawwija fejn l-Ispirtu s-Santu ħadem biex jgħin lil Knisja tfejjaq il-ġrieħi tagħha.
Żied li kien mument wisq sabiħ li l-mexxejja tal-Knisja u diversi lajċi ġew flimkien bil-viżjoni tal-Knisja tagħhom u flimkien ma’ oħrajn iddiskutew kif il-Knisja għandha timxi biex filwaqt li tisma’ l-bżonnijet tas-soċjetà timxi fuq il-passi tal-Evanġelju.
Is-Sinodu se jkompli bl-Assemblea Ordinarja tal-Isqfijiet li se ssir f’Ottubru tal-2015.
Il-Papa Emeritu Benedittu XVI kien ukoll preżenti fi Pjazza San Pietru biex jieħu sehem fil-Beatifikazzjoni ta' dak li għamlu Kardinal.
F'April li għadda, il-Papa Emeritu kien attenda għall-Kanonizazzjoni ta' Ġwanni Pawlu II u Ġwanni XXIII.

Min kien il-Papa Pawlu VI?
Giovanni Battista Montini twieled f’Settembru tal-1897 f’Consesio, fir-reġjun tal-Lombardia. Huwa daħal is-Seminarju fl-1916 u fl-1920 kien ordnat saċerdot. Ftit wara kompla jistudja fl-Università Gregorjana f'Ruma u fl-1922 beda jistudja d-diplomazija. 
Erba’ snin biss wara l-ordinazzjoni, kien diġa jaħdem mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Hawn ħadem mill-qrib mal-Kardinal Pacelli li fl-1939 sar il-Papa Piju XII. Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinija kien responsabbli mill-għajnuna lir-refuġjati li marru l-Vatikan għall-kenn.
Fl-1953 Montini kien magħżul mill-Papa Piju XII bħala Arċisqof ta’ Milan fejn sar magħruf bħala “l-isqof tal-ħaddiema.” 
Fl-ewwel konċistorju tal-Beatu Ġwanni XXIII huwa ġie maħtur Kardinal u ntgħażel biex jgħin fil-Kummissjoni li kellha tipprepara għall-Konċilju Vatikan II.
Wara l-mewt ta’ Ġwanni XXIII, Montini sar Papa f’Ġunju tal-1963 u mill-ewwel ikkommetta ruħu li jkompli fuq il-passi tal-preduċessur tiegħu. Infatti kien hu li għalaq il-Konċilju li għadu jħalli l-impatt tiegħu fuq il-Knisja sal-lum.
Dawk li ħadmu miegħu jiddeskrivuh bħala bniedem umli, spiritwali, intelliġenti, risevat u ġentili. Hu jibqa’ magħruf bħala l-ewwel Papa li żar il-ħames kontinenti.
Pawlu VI miet f’Awwissu tal-1978, fil-festa tat-Trasfigurazzjoni. Ried li jkollu funeral sempliċi u kien l-ewwel Papa li ndifen taħt l-art mingħajr l-ebda monument fuq il-qabar.
F’Diċembru tal-2012, il-Papa Benedittu XVI iddikjarah venerabbli u f’Mejju li għadda, il-Papa Franġisku approva l-miraklu li permezz tiegħu se jkun iddikjarat Beatu.