Illum il-Papa jiltaqa’ mal-Isqfijiet Ċileni dwar l-abbużi sesswali minn membri tal-kleru

F’dawn il-jumejn  il-Papa Franġisku se jiltaqa’ ma 33 Isqof Ċilen biex flimkien jaraw x’wassal  biex tkun moħbija l-verita’ li wasslet għal nuqqasijiet serji fil-konfront ta’ vittmi Ċileni ta’ abbużi sesswali.
Il-Papa ried jiltaqa’ ma’ dawn l-Isqfijiet biex jiddiskutu “ċ-ċirkostanzi u l-isfidi straordinarji ta’ abbuż ta’ poter, abbużi sesswali u abbużi ta’ kuxjenza li seħħew fiċ-Ċili f’dawn l-aħħar għaxar snin u aktar. Hu jħoss li hu mportanti li wieħed ifittex ir-raġunijiet u l-konsegwenzi għal dak li seħħ u l-mekkaniżmu li wassal għal dan il-‘cover-up’ u n-nuqqasijiet gravi fil-konfront tal-vittmi.
Il-laqgħat se jsiru bejn illum u nhar il-Ħamis fil-Vatikan u għalihom se jattendi wkoll il-Kardinal Marc Ouellet, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet.
Il-Papa Franġisku b’ittra tat-8 ta’ April li għadda kiene sejjaħ lill-Isqfijiet kollha taċ-Ċili biex imorru Ruma, anke lill-Isqfijiet Emeriti wara li qara r-rapport ta’ aktar minn 2300 faċċata li għamillu l-Arċisqof Charles J. Scicluna u Fr. Jordi Bertomeu li hu kien bagħat fiċ-Ċili biex jinvestigaw il-każ, liema nvestigazzjoni kellha tiffoka fuq l-Isqof Juan Barros li fl-2015 hu stess kien  bagħat jaħdem fid-djoċesi ta’ Osorno.
Dik id-deċiżjoni kienet qajjmet furur fil-Knisja lokali fosthom minn tliet vittmi li kienu abbużati sesswalment minn Fr. Fernando Karadima li kien instab ħati tal-imsemmi abbuż mill-Vatikan.  Il-vittmi  allegaw li l-Isqof Barros u tliet Isqfijiet oħra kienu jafu bl-abbużi li saru fuqhom minn Karadima iżda l-erba’ li huma ħbewlu.
Meta ftit ilu għamel żjara fiċ-Ċili, il-Papa Franġisku kien mistoqsi dwar l-Isqof Barros iżda hu ddefendih għax qal li l-akkużi kontrih ma kienu xejn ħlief kalunja.  Iżda wara l-Papa għaraf l-iżball tiegħu u qal li dan seħħ għax ingħata nformazzjoni żbaljata. F’dawn l-aħħar ġimgħat il-Papa baqa’ jirċievi dwar il-kriżi tal-Knisja fiċ-Ċili.
Għalhekk sejjaħ dan il-proċess sinodali biex flimkien mal-Isqfijiet jiddixxerni dwar ir-responsabbilta’ ta’ kulħadd għal din il-pjaga li għamlet u għadha tagħmel ħafna ħsara u biex isir tibdil meħtieġ biex atti disgustanti bħal dawn ma jerġgħux iseħħu. “Hu essenzjali li nirrestawraw il-fiduċja fil-Knisja permezz tal-mexxejja tagħha li jagħtu xhieda li semgħu l-vuċi tarl-Ragħaj it-Tajjeb li jaf jakkumpanja lill-vittmi li qed isofru u jaħdem bla waqfien biex jipprevjeni  l-abbużi”.
Għal din il-laqgħa se jattendu 31 Isqof u żewġ Isqfijiet Emeriti.