Illum il-Knisja tiċċelebra Ras ir-Randan … jibdew 40 jum ta’ sawm u penitenza

Illum il-Knisja Kattolika madwar id-dinja kollha, bdiet tiċċelebra r-Randan, 40 jum ta’ sawm u penitenza bi tħejjija għall-ġrajja tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’ Kristu.

Fit-tmienja u nofs ta’ dalgħodu, l-Arċisqof Pawlu Cremona se jmexxi quddiesa għal din l-okkażjoni fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Nhar il-Ħadd li ġej tinqara l-Ittra Pastorali tar-Randan.

Ir-Randan jibda illum l-Erbgħa tal-Irmied. Hu żmien li fih 5 t’iĦdud u matulu fil-knejjes ma jitpoġġewx fjuri fuq l-artal, jintlibes il-vjola bħala simbolu ta’ penitenza, l-orgni jindaqq baxx u ma jkunx hemm kant ta’ Gloria u Hallelulia.

Iżda għaliex l-insara jqattgħu 40 jum ta’ sawm u penitenza?

Ħarsa lejn l-Iskrittura, fl-Antik Testment Mosé għadda l-istess tul ta’ żmien fuq is-Sinaj biex irċieva l-Patt. Elija mexa għal 40 jum u 40 lejl fuq is-Sinaj biex wasal fuq il-muntanja Ħoreb. Anke Ġona mexa u ħeġġeġ għal penitenza għal 40 ġurnata fil-belt ta’ Ninwe. Fil-Ġdid Testment, fejn ir-Rivelazzjoni ta’ Alla tilħaq il-qofol tagħha, Ġesù wkoll qatta’ 40 jum u 40 lejl fid-deżert, fejn iġġieled u rebaħ lix-xitan.

It-talb, is-sawm u l-karità huma t-tliet pilastri ewlenin tar-Randan. F’Ras ir-Randan u fil-Ġimgħa l-Kbira jitfakkar l-obbligu tas-sawm u l-astinenza. Tul l-erbgħin jum, kull min għandu bejn it-18 u s-60 sena għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.

Ir-Randan, li huwa żmien liturġiku ta’ riflessjoni qawwija, jgħin lill-insara biex jikbru spiritwalment u dan anke permezz tal-għoti tal-karità.

Għal daż-żmien partikolari tas-sena, il-Knisja tħeġġeġ lill-membri tagħha biex jieħdu sehem fis-sagramenti, jaqraw il-Kelma ta’ Alla u jattendu l-Eżerċizzi Spiritwali.